“Il-Knisja ta’ Bormla kulħadd iħobbha… affarijiet li ma tistennihomx”. Hekk sostniet Bormliża f’kumment li tat lil One News fejn esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-aħbar li ħarġet kmieni dalgħodu, dik li nsterqu madwar €36,000 f’oġġetti u flus mill-Knisja ta’ Bormla.
Alfonso Grech, Bormliż li jgħin fil-Knisja u li kmieni dalgħodu kien dieħel il-Knisja flimkien mas-Sagristan spjega li kif dalgħodu ġew biex jiftħu l-bieb tan-nofs, sabu li s-sellatura kienet sgassata u minn hemm indunaw li kien hemm xi ħaġa mhux normali.
Bormliż li dalgħodu kien qed ilesti biex jaqra waqt il-quddiesa spjega kif hekk kif wasal quddiem il-Knisja, induna li ġara xi ħaġa dan hekk kif ra numru ta’ Pulizija u propju f’dak il-mument l-Arċipriet qallu li xi ħadd daħal jisraq il-Knisja u li x’aktarx użaw l-iscaffolding biex daħlu fuq ġewwa.