Fl-aħħar ġimgħat rajna lill-Partit Nazzjonalista jikkwota kontinwament l-omeliji tal-Arċisqof Charles Scicluna, jinterprethom minn lenti partiġġjana u jużawha biex jagħtu l-impressjoni li l-Knisja hija wara l-Partit.
Xi ħaġa li nnotawha ħafna, u li dwarha kiteb Fr David Muscat, li widdeb lill-partitarji nazzjonalisti li min jagħmel dan juri li mhuwiex verament kattoliku.
Oqgħodu attenti milli tużaw il-knisja u kliem l-Arċisqof għal skopijiet partiġġjani, iwissi Fr David Muscat lill-partitarji Nazzjonalisti, għaliex dan ma jurix biss li tħarsu lejn ir-reliġjon minn lenti individwalista iżda se tagħmlu ħsara kbira lill-knisja.
F’ Talking Point tal-gazzetta Times of Malta, Fr Muscat għamel referenza għat-tattika li qed juża’ l-Partit Nazzjonalista, li jpinġi lill-Arċisqof Charles Scicluna bħala alleat tal-Partit.
Il-Kattoliċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għandhom ifittxu kenn taħt kappa oħra wissa Muscat.
L-Arċisqof Scicluna, li bl-iktar mod ċar, tbiegħed mill-prattika tal-predeċessuri tiegħu li joqgħodu attenti u jżommu ‘l bod mill-isfera politika, fl-aħħar xhur għadda diversi kummenti fl-omeliji tiegħu dwar in-nuqqasijiet tal-politiċi.
Kummenti li ddominaw iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza u saħansitra qed jintużaw minn Simon Busuttil fid-diskorsi tiegħu meta jiftaħar b’ rixu.
Fr David Muscat widdeb lin-Nazzjonalisti li mgħandhomx, l-anqas subkonxjament, iqisu lill-Knisja bħala għodda partiġġjana, u min jagħmel hekk juri mhuwiex vera Kattoliku.
Iżda s’issa, saħaq il-patri, ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal kull omelija tal-arċisqof qed turi li għalihom l-Arċisqof huwa attivist minn ta’ quddiem tal-Partit tagħhom.