Il-kalendarju tal-Knisja f’Malta llum qed ifakkar it-tbatija li għaddiet minnha l-Madonna fil-passjoni u l-mewt ta’ binha Ġesu.
Iżda din is-sena hija ferm differenti hekk kif iċ-ċelebrazzjonijiet kollha marbuta mad-Duluri ġew kollha mħassra minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Fit-21 ta’ Marzu ġie kkonfermat b’ċirkulari mill-Kurja Maltija li kull manifestazzjoni pubblika tad-Duluri u dawk marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa tħassru nkluż il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u dawk bi Kristu Irxoxt.
Din il-ġurnata, li hija xhieda kbira tad-devozzjoni ta’ ħafna Maltin lejn il-Madonna, is-soltu f’għadd ta’ knejjes imferrxin madwar Malta u Għawdex isiru l-purċissjonijiet li sena wara oħra jiġbdu lejhom folol ta’ nies jimxu wara l-istatwa tad-Duluri.
B’mod partikolari eluf is-soltu jieħdu sehem fil-purċissjoni li toħroġ mill-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt.
Kienet tradizzjoni wiesgħa wkoll li ħafna Maltin jimxu ħafjin wara l-istatwa tad-Duluri waqt li f’Għawdex kienet u għadha tradizzjoni li jagħmlu l-jum sħiħ jimxu ħafjin.
Dan b’sens ta’ sagrifiċċju jew wara li jkunu għamlu xi wegħda lil Sidtna Marija biex taqlgħalhom xi grazzja.
Saħansitra fl-imgħoddi kienu anke jimxu l-purċissjoni kollha għarkupptejhom u kien ikun hemm min jorbot il-ktajjen ma’ saqajh bħalma jiġri wkoll fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Din il-purċissjoni bdiet issir fi żmien il-Kavallieri meta kienet tixref mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u tidħol fil-Knisja ta’ San Ġakbu fil-Belt stess.
L-eqdem Knisja f’Malta ddedikata lid-Duluri tinsab f’Tal-Pietà, u l-unika parroċċa ddedikata lid-Duluri hi dik ta’ San Pawl il-Baħar.
Intant, fuq talba tal-Arċisqof il-quddies ser jixxandar mill-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta, fejn jinsabu meqjuma x-xbihat devoti tal-Kurċifiss mirakoluż u tad-Duluri li s-soltu toħroġ f’pellegrinaġġ mat-toroq tal-Belt.
Il-Quddiesa tad-9:30am, segwita mit-talba tar-Rużarju, se titmexxa mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Il-Quddiesa tal-5:30pm, li wkoll se tkun segwita mit-talba tar-Rużarju, se titmexxa mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna u ser tixxandar fuq ONE.