Wara sena u tliet xhur ta’ restawr estensiv, reġgħet fetħet il-bibien tagħha l-knisja ta’ Santa Ubaldeska f’Raħal Ġdid.
Din il-knisja għandha storja li tmur lura għall-elf sitt mija u tletin, meta tqiegħdet l-ewwel ġebla mill-Granmastru Antoine De Paule.
Saret parroċċa fl-elf disa’ mija u għaxra, u mas-snin serviet bosta rwoli, kif spjegalna l-Kappillan tal-Parroċċa Kristu Re f’Raħal Ġdid, Dun Marc Andrè Camilleri.
Huwa spjegalna: “Tul is-snin, il-knisja dejjem kienet marbuta ma’ dak li kien qed ikun iseħħ f’dan il-post. Għamlet żmien kienet toħroġ il-purċissjoni ta’ San Girgor minn hawn, kien hawn ukoll rabta meta kienu jsiru l-eżekuzzjonijiet il-ħabs hawnhekk f’Kordin, kien hawn il-fratelli tar-rużarju kienu jagħmlu mument ta’ talb u ssir il-quddies wara li sseħħ l-eżekuzzjoni. Il-knisja baqgħet tintuża bħala knisja parrokkjali sal-elf disa’ mija sitta u tletin, għaliex imbagħad il-knisja trasferiet ruħha fil-bażilika ta’ Kristu Re.”
Il-Kappillan spjega li l-bżonn għar-restawr kien ilu jinħass, speċjalment minħabba l-istruttura, u beda f’Marzu tas-sena l-oħra.
Fil-fatt, malli faqqgħet il-pandemija, bosta voluntiera qamu għall-okkażjoni biex ma jagħmlux ħin u jagħmlu xogħol ta’ żebgħa, dawl, aperturi u restawr ta’ pitturi, fost l-oħrajn.
Dun Marc Andrè Camilleri sostna: “Aħna ħadna ħsieb u ppruvajna nagħmlu dak li stajna fejn jidħol il-bejt b’mod speċjali, u dorna dawra l-knisja kif kien jixirqilha fuq ġewwa jiġifieri erġajna għaddejna d-dawl, iż-żebgħa tal-knisja, sar ukoll manutenzjoni fuq l-aperturi kollha, partijiet mill-irħam, partijiet mill-iskultura, ovvjament biex il-knisja tagħtiha d-dinjità li jixirqilha għax wara ħafna żmien l-affarijiet jibdew jaqgħu lura.”
Din il-knisja, li tinsab fuq wara taċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid, hija waħda mill-ftit madwar id-dinja ddedikati għal Santa Ubaldeska. Qaddisa tal-ordni tal-kavallieri għaliex bħall-Ospidallieri ta’ Malta, din is-soru, għamlet ħamsa u ħamsin sena tieħu ħsieb lill-morda fl-isptarijiet.
Minkejja li l-knisja reġgħet fetħet għas-sagrament taż-żwieġ u okkażjonijiet oħra, il-bżonn għal aktar restawr jibqa’, speċjalment tas-sagristija, li hija l-aktar parti antika tal-knisja, u l-faċċata.