Il-Knisja għandha tirrevedi r-regoli tagħha biex tagħti l-għażla lill-qassisin Kattoliċi biex jiżżewġu.
Qal dan l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna f’intervista mat-Times of Malta, li fiha sostna kif wasal iż-żmien li dan jiġi diskuss serjament, u jittieħdu deċiżjonijiet tanġibbli.
Huwa żied li diġà tkellem dwar is-suġġett fil-Vatikan iżda jirrikonoxxi li mhix fil-mertu tiegħu li jieħu deċiżjoni.
Mat-Times of Malta, l-Arċisqof qal li din hija l-ewwel darba li qed jitkellem dwar is-suġġett fil-pubbliku, u jaf li għal xi wħud kapaċi tidher il-kontra tan-norma reliġjuża, iżda staqsa għaliex għandna nitilfu żagħżugħ li kapaċi jkun qassis tajjeb, minħabba li jkun jixtieq jiżżewweġ. Hawnhekk żied li diġà tlifna qassisin tajbin, għax għażlu li jiżżewġu.
Dibattiti dwar ir-regola tal-Knisja li ma tħallix qassisin jiżżewġu, ilhom isiru għal deċenji, iżda l-awtoritajiet lokali tal-Knisja dejjem iddefendewha u nsistew li l-ħajja ta’ qassis għandha tkun iddedikata esklussivament għall-Knisja u l-komunità.
Iżda f’intervista fl-aħħar jiem, l-Arċisqof Scicluna, minkejja li rrikonoxxa li ċ-ċelibat xorta jibqa’ jżomm postu fil-Knisja, qal li l-esperjenza wrietu kif il-qassisin għandhom jingħataw l-għażla li jiżżewġu, bħalma jsir fi Knejjes oħrajn.
Huwa spjega kif fl-ewwel millenju tal-eżistenza tal-Knisja, il-qassisin kienu jingħataw din l-għażla, u hekk għandu jerġa’ jkun.
L-Arċisqof Scicluna kompla jispjega kif raġel jista’ jħobb mara, u fil-frattemp, irid jagħżel bejnha u bejn il-ħajja ta’ qassis, u ċertu qassisin ma jkunux jistgħu jkampaw ma’ dawn l-emozzjonijiet u għalhekk jispiċċaw f’relazzjonijiet sentimentali fil-moħbi.