L-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Malta Food Bank Foundation iffirmaw ftehim uffiċjali għat-twaqqif tal-ewwel food bank tax-xorta tiegħu f’Malta. Dan is-servizz li ser jitmexxa mill-Malta Food Bank Foundation (MFBF) huwa intenzjonat li jiġbor ikel żejjed sabiex jitqassam lill-għaqdiet mhux governattivi li jgħinu lill-persuni foqra u dawk f’riskju ta’ faqar.
Il-proprjetà tal-Knisja li ngħatat lill-MFBF għal żmien definit tinsab fil-Ħamrun maġenb il-knisja tal-Kunċizzjoni u kienet tintuża minn Dar Fra Diegu bħala maħżen tal-ikel.
L-Arċidjoċesi kkommettiet ruħha wkoll li tagħmel ix-xogħlijiet strutturali meħtieġa biex tgħin fit-twettiq ta’ dan il-proġett. Wara li jitlestew ix-xogħlijiet li bdew din il-ġimgħa, l-MFBF ser tipprovdi t-tagħmir neċessarju, li jinkludi l-ixkaffar u l-makkinarju, kif ukoll ir-riżorsi umani biex din l-inizjattiva titmexxa fuq bażi volontarja.
Il-Malta Food Bank Foundation, li hija affiljata mal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks sa mill-2011, ser isservi ta’ pont bejn il-kumpaniji tal-ikel li lesti joffru provvisti żejda tal-ikel u l-NGOs li jgħinu lil dawk imċaħħda mid-dritt fundamentali tal-ikel. Din il-ħidma hija essenzjali sabiex titjieb is-sostenibbiltà tal-ikel u tipprevjeni l-ħela ta’ ikel.
Din hija l-missjoni tat-388 food bank tal-Federazzjoni li huma impenjati jitimgħu lil dawk fil-bżonn. FEBA tipprovdi aktar minn 4 miljun ikla kuljum lil 8 miljun persuna fl-Ewropa permezz ta’ 44,700 għaqda ta’ karità f’28 pajjiż fl-Ewropa.
Waqt laqgħa li saret illum, is-Sibt, 6 ta’ Ottubru 2018, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li ppresieda dan il-ftehim qal li dan huwa proġett ieħor li permezz tiegħu l-Knisja f’Malta qed twieġeb b’mod tanġibbli għar-realtà tal-faqar f’pajjiżna. Wera l-apprezzament tiegħu għal din l-inizjattiva tal-Malta Food Bank Foundation b’risq is-soċjetà. Għal din il-laqgħa attendew ukoll Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Andrew Azzopardi, Direttur tal-Kummissjoni Ejjew Għandi, Angela Frigo, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks, u Irene Schembri, Chairperson tal-Malta Food Bank Foundation.
Is-Sinjura Schembri rringrazzjat lill-Arċisqof Charles J. Scicluna, lill-Isqof Joseph Galea-Curmi u lil Mons. Charles Cordina. Hija qalet li l-ħidma tal-food bank ser timxi fuq it-tagħlim tal-Papa Franġisku li qal li: “Din il-kultura tal-iskart ġabitna insensibbli anke għall-ħela u għar-rimi tal-ikel, xi ħaġa li ta’ min jistmerraha iżjed meta f’kull parti tad-dinja, sfortunatament, tant persuni u familji qed ibatu l-ġuħ jew qed jieklu ikel ħażin”.
Il-ftehim ġie ffirmat minn Andrew Azzopardi f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Malta u minn Irene Schembri f’isem il-Malta Food Bank Foundation.