Infetħet uffiċjalment il-binja l-ġdida tal-Gender Wellbeing Clinic f’Raħal Ġdid, li permezz tagħha issa ġie disponibbli spazju aktar modern minn fejn jiġu offruti servizzi tas-saħħa speċjalizzati u aktar aċċessibbli għall-komunità LGBTIQ, b’mod partikolari anke għal persuni trans.
Din il-binja ġiet inawgurata mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li din il-klinika fetħet għall-ewwel darba fl-2018 u bdiet topera mill-Imtarfa. Minn dakinhar kien hemm aktar minn 340 persuna li għamlu użu minn din il-klinika.
ONE News tkellem ma’ Dr Mario Cachia, li huwa konsulent mediku f’din il-klinika. Huwa sostna li din il-binja se tkun qed tiffaċilità x-xogħol, filwaqt li spjega x’tip ta’ servizzi jingħataw f’din il-klinika għal persuni trans.
Qal, “Ħafna drabi jkun hemm bżonn u l-klijenti jistaqsu għalihom servizzi ta’ psychologist, family therapy, speċjalment dawk li għandhom taħt 25 sena u hekk jużawh ħafna.”
Gabriella Calleja, il-Kap tat-Taqsima tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identita tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess, saħqet li permezz ta’ din il-binja l-ġdida qed ikompli jintbagħat messaġġ mill-Gvern dwar l-importanza tal-ħidma favur aktar drittijiet ċivili.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li fis-settur tal-ugwaljanza, il-Gvern għamel biċċa xogħol kbira, iżda għad baqa’ aktar xogħol xi jsir.
Hija spjegat li r-rilokazzjoni tal-klinika se tifforma parti mis-servizzi offruti miċ-ċentru għall-komunita LGBTIQ, li se jinfetaħ fix-xhur li ġejjin.
Qal, “Madankollu kumment li spikka kien in-nuqqas ta’ aċċessibilità u nuqqas ta’ spazju għal binja ġewwa l-Imtarfa. Illum qed niftħu dan iċ-ċentru l-ġdid ġewwa Raħal Ġdid, li se joffri binja ġdida, spazju modern, spazju aktar sigur għaliex se joffri aktar aċċessibilità għal persuni li se jagħmlu użu minn dan is-servizz.”