L-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi jidher li qed jipprova jerġa’ jaħkem taħt idejh lill-Partit Nazzjonalista hekk kif qed jimbotta lil Charles Bonello biex jinħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista flok Michael Piccinino.
L-aħbar żvelata mill-gazzetta KullĦadd titratta l-manuvri li jidher qed isiru minn wara l-kwinti biex il-klikka tal-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi terġa’ tissaħħaħ bil-ħatra f’din il-kariga ta’ Charles Bonello. Bonello ħadem ma’ Gonzi għal snin sħaħ bħala Segretarju Personali miegħu.
Charles Bonello kien u għadu jokkupa diversi karigi fil-Partit Nazzjonalista, fosthom, bħala Koordinatur tal-Kunsilli Lokali f’isem il-PN u sal-lum għadu mħallas minn flus il-poplu bħala assistent personali ta’ Gonzi.
Kien f’Settembru li għadda, li Michael Piccinino ħabbar fuq il-mezzi soċjali tiegħu li kien se jirreżenja mill-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista biex ikun jista jiffoka fuq il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Iżda minn dak iż-żmien għaddew iktar minn erba’ xhur u l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma sabx persuna biex timla din il-kariga, li x-xogħol tagħha jiġi ddettat mill-faxxa li tikkontrolla lill-partit fl-Oppożizzjoni.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li b’Charles Bonello f’din il-kariga, qed tkompli tiżdied il-pressjoni fuq Bernard Grech, għaliex ikollu ma’ djulu, persuna oħra leali lejn il-faxxa estremista tal-PN.
Għalkemm jipprova jidher li għandu kontroll tal-partit, Bernard Grech jinsab f’morsa, mhux biss b’din is-sitwazzjoni, imma wkoll b’dak kollu li qed jitfgħu fuqu tal-establishment.