Il-klijenti li kellhom flus f’kontijiet ma’ Satabank se jingħataw flushom lura, wara li jiem ilu ingħalaq.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l- Awtorità ta’ Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, ordnat li dan il-bank ikun investigat wara li daħlu suspsetti li kien qed jintuża għal ħasil ta’ flus.
Fi stqarrija, l-MFSA spjegat li l-klijenti tal-bank se jkunu jistgħu jieħdu flushom lura wara proċess delikat ta’ skrutinju. Il-klijenti se jkunu mitluba jivverifikaw l-identità tagħhom u jipprovdu informazzjoni dwar kontijiet oħra li għandhom ma’ banek f’ġurisdizzjonijiet Ewropej.
Il-klijenti se jkunu marbuta jiddepożitaw il-flus li xi darba kellhom f’Satabank f’bank li jinsab f’ġurisdizzjoni Ewropea. F’każ li l-klijent m’għandux kont f’bank fl-Ewropa, se jkun mitlub jiftaħ wieħed mill-iktar fis possibbli.