Il-kummenti tal-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista tat-tmeninijiet Louis Galea dwar li l-Partit Laburista għandu cancer ġabu l-kundanna ta’ bosta li mhux biss esprimew ir-rabja għal dawn il-kummenti deskritti insensittivi iżda anki ġabu l-uġigħ fost ħafna nies.
Fuq il-midja soċjali spikkaw diversi kitbiet li fiha wrew l-għadab għal dak li qal Louis Galea, imqabbad mill-Kap Adrian Delia biex jagħmel ir-riformi fil-Partit Nazzjonalista.
Fost dawk li kitbu kien hemm Antonella Rodgers li sostniet li lil hinn mill-kuluri politiċi, id-diskors ta’ Louis Galea weġġagħha ħafna.
Aċċennat li ma kellux jintuża dak il-kliem biex tipprova tiskorja punti politiċi.
Hija stqarret: “Ninsab iktar milli rrabjata, ninsab imweġġa’ għaliex meta tgħaddi minn dawn l-affarijiet, bħal ma ħafna nies oħra jgħaddu minn affarijiet oħra, imma f’dan ir-rigward jiena mill-cancer għaddejt, tweġġa’ u tweġġak ħafna għaliex jiena nemmen illi, nerġa’ ngħid ma nidħolx fil-politika, hemm ħafna kliem ieħor li tista’ tuża biex tgħaddi messaġġ lil ħaddieħor.”
Rogers li ssieltet mal-marda tal-kanċer u tilfet l’ommha bl-istess marda, spjegat magħna kif id-diskors li semgħet il-Ħadd fetħilha feriti.
Hija sostniet: “Jiena mititli l-mummy tiegħi bil-cancer sentejn ilu waqt li jien kont qed niġġieled il-battalja wkoll, jiġifieri tista’ timmaġina xi tħoss.”
Qalet kif id-diskors ta’ Louis Galea ma niżilx tajjeb ma’ nies fil-Partit Nazzjonalista: “Żgur li jiena naf ħafna nies fil-partit u li żgur ma niżlitilhomx tajjeb din.”
Louis Galea tkellem il-Ħadd waqt is-suppost analiżi tal-gazzetti, propju ftit tal-ħin qabel ma tkellem il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Huwa saħaq li l-Partit Laburista huwa partit marid u ttih kemm ittih trattament għall-kanċer, huwa partit marid: “Sfortunatament fil-Partit Laburista, partit politiku illi jippermetti l-affarijiet li għexna fl-aħħar snin, hu partit illi għandu cancer, għandu cancer. Issa tista’ ttih ħafna treatment u tagħmel, u ħafna affarijiet imma marid, partit marid.”