Jiem wara li l-midja rrapportat dwar l-ikkonfiskar ta’ tmint iklieb mingħand sidhom, Andre Galea, id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali ħabbar li l-ebda kelb mhu se jkun qed jitraqqad – kontra dak li bosta kkummentaw fuq il-midja soċjali.
Din l-aħbar ġiet wara li Galea ġarrab diversi ġrieħi wara li ġie attakkat minn żewġt iklieb miżmuma minnu stess, bil-konsegwenza li fil-mument tal-attakk hu spiċċa fuq saqaf ta’ karozza mimli demm iwerżaq għall-għajnuna għall-ħabta tas-siegħa u nofs tat-Tnejn filgħodu.
ONE News tkellem ma’ Etienne Bartolo, uffiċjal tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, li spjega aktar fid-dettal x’kienet tinvolvi l-operazzjoni.
Qal, “L-operazzjoni konna ilna għaddejjin ġurnata biha. Aktar tard waranofsinhar morna bil-vetturi tagħna, konna armati bid-dart gun għax konna infurmati li jaf ikun hemm klieb li huma perikolużi, irriżulta li d-dart gun ma użajnihx u anke l-klieb ma kinux perikolużi hekk kif ħriġnihom wieħed wieħed biċ-ċinga. Żammejnihom separati sabiex nevitaw li jiġġieldu bejniethom.”
Spjega kif it-tmint iklieb ġew ikkonfiskati u minn hemm instabilhom post fejn setgħu jinżammu.
Il-klieb kollha jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba, b’wieħed minnhom għandu kundizzjoni fil-ġilda.
Qal, “Kellna magħna jassistina l-veterinarju. Ovvjament malli ħriġna l-klieb, li kienu total ta’ tmienja, ħadnihom dirett fil-kennels. Il-klieb jinsabu f’saħħa tajba iżda l-veterinarju bħalissa qed jara kelb minnhom li għandu kundizzjoni fil-ġilda. Il-klieb, minkejja għal dak li ħafna nies qed jaħsbu, mhux se jitraqdu u ma nqatlux.”
Intant, bħalissa għaddejja l-awtopsja fuq wieħed mill-klieb li attakkaw lil Galea waqt li kien magħhom barra daru, wara li nstab mejjet wara l-attakk fuq sidu.
Galea qed jaffaċċja akkużi fuq każ preċedenti, li jmur lura għall-elfejn u għoxrin, ta’ omiċidju involontarju wara li nanntu, Inez Galea, ta’ 95 sena, inqatlet wara li ġiet attakkata minn żewġt iklieb tar-razza pitbull miżmuma mill-istess Andre Galea.