Il-ġlieda ta’ Malta għall-Indipendenza kienet konsegwenza tal-ġlieda tal-klassi tax-xogħol għall-ħelsien politiku bejn 1919-1979. Dan qalu Mark Camilleri waqt it-tnedija tal-ktieb A Materialist Revision of Maltese History: 1919-1979 (Pubblikazzjoni SKS) fil-Bibljoteka Nazzjonali, Valletta.
Camilleri qal li l-iżviluppi politiċi li wasslu għall-Indipendenza tal-1964 seħħew biss bis-saħħa tal-politiċizazzjoni persistenti u sostnuta tal-klassi tal-ħaddiema. L-Indipendenza ma kellhiex fini fiha nnifisha imma kienet il-kulminazzjoni tal-għarfien tal-ħaddiem bħala klassi soċjali u politika.
Camilleri qal li dan kien proċess, li jaf il-bidu tiegħu mill-irvellijiet tas-Sette Gungio tal-1919 u jibqa’ sejjer sa tmiem l-involviment ta’ Malta mal-Imperu Brittaniku fl-1979.
Aktar milli żvilupp fil-kostituzzjoni ta’ Malta, fil-ktieb il-ġdid ta’ Camilleri jargumenta li f’dawk is-snin kruċjali seħħet liberazzjoni politika sħiħa. Il-perspettiva ‘materjalistika’ tiegħu, jiġifieri l-għarfien tal-istorja lokali mill-perspettiva tan-nies tat-triq, tispjega kif l-għarfien ġdid tal-ħaddiema, li qabel kienu bla vuċi, issa riedu jinstemgħu u affettwaw id-direzzjoni u d-deċiżjonijiet li ħa pajjiżna f’dawk iż-żminijiet. Il-proċess jibda fl-1919, jibqa’ sejjer sal-Indipendenza, u jwassal sar-Repubblika fejn intlaħaq il-qofol ta’ kollox fil-Ħelsien fl-1979.
Dan huwa t-tieni volum mis-sensiela reviżjonista ta’ Camilleri li għandha l-għan tipprovdi interpretazzjoni materjalista tal-Istorja Maltija. L-ewwel volum, ippubblika fl-2016, ikopri l-perijodu 870–1919. Dan il-volum jibda bl-1919 u jibqa’ sejjer sal-1979 u ż-żminijiet tal-lum, u ieħor, forsi l-aktar ambizzjuż, li jkopri l-perijodu tal-preistorja sat-870.