F’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tlieta f’waħda mil-lukandi ewlenin f’Buġibba, l-avukat Chris Bonett, kandidat għall-elezzjoni ta’ President tal-Malta Football Association, żvela l-program li għandu u li jixtieq li jwettaq jekk dejjem ikun elett bħala president tal-assoċjazzjoni fl-20 ta’ Lulju li ġej waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni.
Bonett beda billi qal li hu semma’ l-karba tal-klabbs u kien għalhekk li ser ipoġġi ismu fl-arena. Ħa ħafna mill-ideat li tawħ il-klabbs u dawn ser ikunu qed jiġu utilizzati matul is-snin.
Il-viżjoni tal-avukat Chris Bonett hija ibbażata fuq 5 prinċipji li huma:- il-poter lill-klabbs; kemm amministrattivament u kummerċjalment, kummċerjalizzazzjoni, il-logħba fiċ-ċentru tal-ħidma tal-MFA, żvilupp tal-klabbs u tal-plejers sabiex isiru professjonali kif ukoll kommunikazzjoni kostanti bejn it-tmexxija tal-MFA u l-klabbs.
Apparti dawn il-ħames prinċipji, Bonett semma’ l-pillastri strateġici li fuqhom jixtieq li jaħdem jekk dejjem jingħata l-fiduċja. Il-klabbs iridu jkunu sostenibbli fejn jinħoloq il-kunċett ta’ direttur tal-klabb, bl-MFA tkun lesta li tħallas ħmistax il-elf ewro bħala salarju. Ħolqien tal-Member Service Department fejn kull klabb ikun jista jinqeda minn post wieħed f’ħdan l-MFA stess.
Manutenzjoni fuq 45 grawnd, jittranġa l-grawnd nazzjonali fejn isir rinovar wara l-lasti u taqa’ u terga tinbena l-West Stand (l-enclosure). Wara l-lasti jiġu mibnija spazzji kummerċjali biex l-istadjum nazzjonali isir ċentru ta’ attività l-ġimgħa kollha u mhux ftit siegħat fil-weekend biss. Bonett qal li trid tinħoloq kumpanija ġdida għal użu kummerċjali tal-MFA.
L-ex intergrity officer tal-UEFA, Chris Bonett qal li jrid li l-Kampjonati Maltin ikunu awtonomi fejn saħansitra jinħolqu l-Premier League Association u Football League Association.
Il-pillastri strateġiċi jinkludu ukoll pjan tekniku progressiv fuq 10 snin, akkademji strutturati, assoċjazzjoni serja u grassroots ħabbrieka.
Il-program ta’ Chris Bonett huwa mibni fuq 9 snin fejn fost l-oħrajn jixtieq li l-MFA toħloq l-akkademja tagħha għat-tfal bejn il-11 u il-17 –il sena fejn wara l-iskola t-tfal jmorru Ta’ Qali, jibqaw għaddejjin bl-studji tagħhom filwaqt li jitħarrġu f’sistema professjonali u jqumu u jorqdu flimkien għal ħames t’ijiem sħaħ. Dawk kollha li wara 17 il-sena jilħqu l-karriera professjonali ser jingħataw scholarships mill-MFA.
Apparti minnhekk Chris Bonett jixtieq li tinħoloq kompetizzjoni ġdida f’ħdan l-istess FA Trophy sabiex ikun hemm bilanċ bejn it-timijiet fl-iżgħar diviżjonijiet u t-timijiet l-kbar. Bonett qal li trid isir riforma fil-Youth FA filwaqt li l-futbol tan-nisa jingħata prijorità u jissaħħaħ dak li diġà sar.
Il-futsal u l-beach soccer iridu jingħataw spinta importanti fejn saħansitra Bonett qed jwiegħed bini ta’ grawnd għall-beach soccer viċin taċ-Centenary Stadium. Bonett sehma li fil-jiem li ġejjin ser ikun qed jiltaqa’ mal-GFA sabiex anke l-futbol Għawdxi jimxi bl-stess pass tal-futbol f’Malta.
Fit-tmiem il-konferenza stampa Dr. Chris Bonett qal li fil-jiem li ġejjin ser jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex jiltaqa’ ma’ aktar nies li jiffurmaw l-futbol Malti.