Il-Klabb tal-Boċċi f’Ħal Għaxaq gawda minn madwar €28,000 f’fondi Ewropej sabiex sar investiment fih. Dan il-klabb iservi wkoll ta’ post biex jinġabru flimkien residenti Għaxqin, filwaqt li jsegwu l-logħba tal-boċċi li tmur lura mijiet ta’ snin u li hija parti mill-kultura lokali.
Fost l-investiment li sar hemm tinda li toffri kenn mill-elementi kif ukoll siġġijiet u mwejjed għall-bar li jilqa’ fih bosta dilettanti tal-logħba tal-boċċi.
Il-President tal-Klabb tal-Boċċi ta’ Ħal Għaxaq Carmelo Desira saħaq li permezz ta’ din l-għajnuna finanzjarja, il-klabb kien f’pożizzjoni aħjar li jkabbar l-investiment tiegħu biex l-isport tal-boċċi jibqa’ ħaj fost l-Għaxqin.
“Ċertu affarijiet kbar, ngħidulhom aħna ta’ investiment bħal din it-tinda, il-bar hawnhekk se jkun b’saħħtu aktar, in-nies se jkunu komdi aktar, allura ħa tiġbed aktar nies. In-nies hawnhekk Ħal Għaxaq fost il-ġimgħa jattendu ħafna nies għal-logħob tal-boċċi u l-attivitajiet li jkun hawn u l-għajnuna swiet, swiet ħafna.”
Fi żjara fil-klabb, il-Ministru responsabbli minn Servizzi Ewropej f’Malta, Carmelo Abela, tenna li mill-2019 sal-lum mat-80 għaqda mhux governattiva gawdew minn fondi Ewropej biex setgħu jsiru proġetti fil-komunità.
“Is-servizz issa huwa wieħed sħieħ, wieħed komplet li mhux biss nibdew il-proġetti u nidentifikaw il-fondi minn fejn ġejjin imma wkoll li finalment il-proġett jitwassal sal-aħħar.”