B’daqqa ta’ pinna l-Ħamis filgħodu ġie ffirmat il-ftehim ta’ trasferiment ta’ art bejn SportMalta u l-klabb tal-basketball tal-Hibs. Il-ftehim ġie ffirmat minn Luciano Busuttil f’isem Sport Malta u mid-Direttur Ġenerali tal-Hibs Basketball Ronnie Calleja.
Il-klabb tal-basketball tal-Hibs li jmur lura għall-elf disa’ mija erbgħa u tmenin huwa fost l-eqdem tim tal-basketball f’Malta u li bħalissa qed iħarreġ madwar mitejn u ħamsin persuna t’etajiet differenti fid-dixxiplina sportiva tal-basketball, issa se jkollu art ta’ elf u tliet mitt metru kwadru b’ċens għal ħamsa u erbgħin sena biex jinbena padiljun ieħor f’tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn dak li hemm f’Kordin, Raħal Ġdid.
Dan il-ftehim wasal wara snin ta’ ħidma, tant Ii f’Mejju tal-elfejn u sbatax il-klabb kien iffirma ftehim mal-gvern dwar l-art li lura fiż-żmien kien hemm fabbrika.
Vella spjegat: “Aħna dan il-padiljun fil-verità nagħmlu użu tiegħu flimkien ma’ sport ieħor, mentri jekk ikollna padiljun li jkun esklussivament kważi għall-bastketball li nistgħu nżidu anke s-sessjonijiet ta’ taħriġ u ma jkollniex għalfejn nikru courts oħra matul l-istaġun, li r-renta ovvjament dejjem titla’; biex dejjem nipprovaw inżidu dejjem it-taħriġ. Ħa jagħtina għażliet oħra, jkollna din l-art fejn nistgħu nibnu dan il-padiljun.”
Iċ-Chairman ta’ SportMalta sostna li permezz tal-art, l-għaqdiet jistgħu jkabbru l-operat tagħhom biex jilħqu aktar tfal u żgħażagħ.
Busuttil stqarr: “Bl-art qiegħed tagħti l-akbar riżorsa li għandna f’pajjiżna wara r-riżorsa umana, allura l-klabb jista’ juża din il-faċilità, li ovvjament qed iħallas kera li hija ssusidjata b’95% tal-prezz tagħha minn Sport Malta. Jista’ jekk il-bambin irid imbagħad aktar ‘il quddiem ikollu l-faċilità tal-kummerċalizzazzjoni tal-premises biex ikun jista’ jaqla’ l-flus hu minflok jitlob assistenza diretta minn SportMalta.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grim qal permezz ta’ aktar investiment fl-isport, it-tfal jissawru f’valuri importanti.
Huwa qal, “Dan huwa l-ispirtu li rridu nkomplu naħdmu fih, spirtu fejn permezz tiegħu naraw l-isport bħala parti integrali mill-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna. Żvilupp sħiħ illi jrid jiġi milħuq permezz ta’ sistema edukattiva li tgħallem it-tfal tagħna jirraġunaw b’mod anke kritiku u anke l-aspett fiżiku, l-aspett sportiv li jsawwar fina dawk il-valuri li tant huma importanti.”