“Il-klabb ta’ Ħamrun Spartans ma organizza l-ebda forma ta’ ċelebrazzjoni”. Dan intqal minn stqarrija maħruġa mill-istess klabb, b’referenza għar-rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir dwar iċ-ċelebrazzjonijiet li saru ġewwa l-Ħamrun wara r-rebħa li dan it-tim għamel fil-Kampjonat Premier fuq Hibernians.
Il-klabb ta’ Ħamrun Spartans stqarr li ftit kienu dawk il-partitarji li ma osservawx id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u dawn ġew mitkellma mill-Pulizija. Il-klabb sostna li l-maġġoranza tal-partitarji ċċelebraw b’mod sigur, fosthom permezz ta’ carcades, fejn dawn il-persuni baqgħu fil-karozza.
Intant, il-klabb tal-Ħamrun saħaq li t-tliet bars li huma operati minnu jinsabu magħluqa skont struzzjonijiet li taw l-awtoritajiet tas-saħħa matul il-ġimgħa li għaddiet.
Il-klabb ta’ Ħamrun Spartans temm jappella biex kulħadd jibqa’ josserva l-miżuri maħruġa mill-awtorijiet tas-saħħa.