Hekk kif aktar tard illum, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol mistennija tieħu d-deċiżjoni dwar il-kampjonat Malti ta’ dan l-istaġun, fi stqarrija l-klabb li jinsab fil-quċċata tal-klassifika, Ħamrun Spartans appella għal kawtela u r-responsabilità mill-partitarji.
Il-klabb Ħamruniż appella li tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, għandha tintwera r-responsabiltà u maturità minħabba l-imxija tal-pandemija.
Ħamrun Spartans qal li l-klabb mhu se jkun qiegħed jorganizza u jippromovi l-ebda attività organizzata.
Żied jgħid li l-klabb se jikkundanna l-attivitajiet li jista’ jkun hemm organizzati.
Appella li jekk il-kumitat tal-MFA jiddeċiedi li Ħamrun ikunu rebbieħa tal-kampjonat, wieħed għandu jiċċelebra b’mod kawt u skont id-direttivi imposti mill-awtorijiet tas-saħħa.
F’din l-istqarrija, il-klabb ta’ Ħamrun Spartans qal kif illum il-poplu Ħamruniż għandu ċans juri lill-poplu Malti u Għawdxi, il-kawtela u r-responsabiltà.
Intqal ukoll li fl-eventwalità li l-kunsill tal-MFA jaqtagħha li Ħamrun Spartans huma r-rebbieħa tal-Kampjonat Premier, se ssir ħidma sabiex fi żmien opportun tkun tista’ ssir ċelebrazzjoni kif mixtieqa.