Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi oġġezzjona b’mod formali għall-applikazzjoni biex tinbena lukanda ta’ tlett stilel b’erbatax-il kamra tas-sodda, pixxina u basement fost l-oħrajn.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet mill-istess Kunsill biswit is-sit inkwistjoni fiż-żona magħrufa bħala tal-Blata.
Is-Sindku, Josef Masini Vento, tenna kif din iż-żona minn dejjem kienet magħrufa bħala waħda residenzjali u ma tiflaħx għal dan l-iżvilupp. Apparti minn hekk, stqarr kif f’din iż-żona għad fadal numru ta’ għelieqi u b’hekk hemm ukoll konsegwenzi ambjentali marbuta mal-iżvilupp propost.
Biswit il-proġett propost, f’żona fejn hemm ukoll kappella ddedikata lil Santa Marija li ilha mibnija għal mijiet ta’ snin, mistenni li tinbena wkoll triq fejn bħalissa hemm l-għelieqi.
Masini Vento nnota kif dan l-iżvilupp huwa permessibbli skont it-tibdil fil-pjani lokali tal-2006, hekk kif tenna li dan ma jfissirx li l-ħażin li kien sar dakinhar ma jikkoreġiex ruħu b’azzjoni f’waqtha ma’ din l-applikazzjoni.