Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla laqa’ l-aħbar li art li fuqha kien se jsir żvilupp ta’ dormitorju mill-Università Amerikana ta’ Malta se tkun qed tingħata lura lin-nies.
Fi stqarrija wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li art fiż-Żonqor u spazju bejn Bormla u l-Isla, li kellhom jiġu żviluppati bħala parti mill-Università Amerikana ta’ Malta kienu se jingħataw lura lin-nies, il-Kunsill Lokali rrikonoxxa x-xogħol li sar fuq iI-proġett tal-Università Amerikana, li sebbaħ iż-żona, fosthom dik fejn hemm baċir numru wieħed iżda l-Kunsill nnota li spazju ieħor se jingħata lura lin-nies.
Il-Kunsill temm jgħid li issa l-pass li jmiss huwa li flimkien mal-Gvern Ċentrali jitnieda proċess ta’ diskussjonijiet sabiex iż-żona tiġi riġenerata u tkun tista’ titgawda mir-residenti u dawk li jżuru l-lokalità.
Permezz tal-ftehim mal-Università Amerikana, iż-żewġ żviluppi li kellhom isiru fiż-Żonqor u fil-Kottonera se jimxu fuq art diġà lesta għal żvilupp, fi Smart City.