Għadd ta’ membri parlamentari nisa minn pajjizi differenti tal-Commonwealth attendew konferenza ġewwa Londra sabiex jiddiskutu l-kisbiet tal-mara fil-politika, il-preżent kif ukoll il-futur tan-nisa fil-Parlament.
Matul il-konferenza l-membri parlamentri nisa qasmu flimkien l-esperjenzi tagħhom kif ukoll qasmu għadd ta’ inizjattivi lkoll immirati li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika iżda wkoll fis-soċjetà inġenerali.
Matul il-konferenza gew diskussi wkoll l-isfidi li nisa fil-politika jaffaċjaw fosthom kliem sessist u imġieba misogina.
Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar tkelmet fost l-oħrajn dwar l-inizjattiva Lead li nieda il-Partit Laburista li biha bosta nisa resqu ‘l quddiem u qed jingħataw taħriġ sabiex ikunu ppreparati sabiex jidħlu fid-dinja tal-politika.
Matul il-konferenza bosta membri parlamentari barranin irrimarkaw dwar l-inizjattiva pożittiva tal-Gvern Malti li jagħti child care b’xejn lil dawk li jaħdmu jew jistudjaw. Huma qalu li hija inizjattiva ta’ min jikkopja.
Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar spjegat kif b’din l-inizjattiva rajna f’pajjiżna fi żmien qasir żieda sostanzjali ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol li apparti li qed tħalli impatt fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, qed tagħti indipendenza finanzjarja lill-aktar nisa.
Hija tkelmet ukoll dwar il-liġi l-ġdida tal-vjolenza domestika li fost l-oħrajn tħares aktar lill-vittmi li fil-maġġoranza tagħhom huma nisa.
Cutajar tkelmet ukoll dwar l-impenn tal-Prim Ministru li jiddaħħlu l-kwoti temporanji bil-għan li nagħtu xokk lis-sistema u nindirizzaw in-nuqqas ta’ nisa fil-politika.