“Il-kisbiet jistgħu jsiru biss għax qalbna tħabbat fil-post it-tajjeb. Qalbna man-nies.”
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Robert Abela beda d-diskors tiegħu fil-Parlament b’rabta mal-Budget għas-sena d-dieħla.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-viżjoni ta’ dan il-Gvern, hija l-viżjoni tal-poplu li n-nies approvaw tant saħħa fl-aħħar elezzjoni ġenerali permezz tal-manifest Malta Flimkien.
Viżjoni li se titwettaq frott iċ-ċertezza u l-istabbiltà li qed joffri dan il-Gvern.
“Dan il-Budget, l-ewwel minn ħamsa qed jagħti spinta ġdida lil din il-ħidma. Biex l-għażla tas-26 ta’ Marzu li għadda tkompli twassal għal ħajjar aħjar għall-poplu tagħna. Permezz ta’ dan il-Budget komplejna nwettqu dak li wegħedna. Fuq kollox, il-ksibiet jistgħu jsiru biss għax qalbna tħabbat fil-post it-tajjeb. Qalbna man-nies, Sur President!“
Il-Prim Ministru Robert Abela
Kien propju hawnhekk, li l-Prim Ministru sostna kif xhieda ta’ dan, huwa l-element qawwi ta’ serħan il-moħħ li qed joffri l-Gvern grazzi għall-għajnuna quddiem l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija.
Huwa rrimarka kif illum il-familji Maltin huma l-uniċi fl-Ewropa li mhux qed iħallsu mqar ċenteżmu aktar f’kontijiet tal-enerġija.
“Din hija d-differenza bejn il-politika tal-awsterità u l-politika tal-investiment. Fuq naħa Gvern Nazzjonalista li kien għabba lill-familji b’piż ta’ aktar minn €1,500 fuq il-kontijiet tal-enerġija. Minn naħa l-oħra Gvern Laburista li qed jiffranka lill-familji piż ta’ madwar elfejn ewro fis-sena u dan fis-settur tal-enerġija waħdu. Hawn qed imorru Sur Kap tal-Oppożizzjoni, is-sitt mitt-miljun ewro li saqsejt dwarhom ilbieraħ. Għand il-familji u negozji!”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru hawn fakkar kif l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom id-dinja minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna mhux l-ewwel burraxka li sab ma wiċċu dan il-Gvern. Fil-fatt, Dr Abela fakkar fl-isfidi li laqtu lil pajjiżna kawża tal-pandemija u kif dawn sabhom ma wiċċu sa mill-ewwel jiem tat-tmexxija tiegħu, madankollu dan qatt ma fixkel il-prinċipju tal-Gvern li jsostni lil niesu.
Hawn Dr Abela rrimarka kif eżempju ċar ta’ dan kien it-tbassir li f’pajjiżna kienu se jintilfu mal-ħamsin elf impjieg iżda mhux talli hekk, talli żdiedu iktar minn erbatax-il elf impjieg fi ftit aktar minn sentejn.
“Taf x’naf – Wasalna f’Novemrbu u minflok fawwarna pajjiż bix-xogħol u l-investiment. Ma ħallejt u ma se nħalli qatt in-negattiviżmu, it-tfixkil u l-qtiegħ il-qalb jirbaħ, avolja l-kurrenti sibthom kbar sa mill-ewwel ġurnata. Aktar ma jkollna kurrenti kontrina, aktar se naqdfu bis-saħħa ’l quddiem!”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li kruċjali għal dan jibqa’ t-tkabbir ekonomiku u b’hekk li s-sena li ġejja l-Gvern beħsiebu jinvesti aktar minn disgħa mija u għoxrin miljun ewro, biex jinħoloq aktar ġid.
Tlett darbiet l-ammont ta’ spiża kapitali li kien hemm fl-2012.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna kif dan kollu joffri ċ-ċertezza u l-istabbiltà u b’hekk jaċċerta futur sabiħ għal kulħadd.
“Futur sabiħ għal kulħadd. Dan il-Budget huwa biss pass ieħor, Malta Flimkien hija Malta taċ-Ċertezza, Malta tal-Istabbiltà. Malta li se tibqa’ tinvesti fikom. Se nibqgħu noħolqu u nqassamu l-ġid. Se nibqgħu mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Għax hekk nassiguraw dak li nixtiequ lkoll. Il-futur sabiħ f’Għawdex u Malta tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela