F’għeluq il-ħamsa u sebgħin anniversarju minn meta l-mara ngħatat id-dritt tal-vot f’pajjiżna, il-fergħa tal-Partit Laburista, Nisa Laburisti, se jorganizzaw attività fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta biex jikkommemoraw dan l-iżvilupp.
L-attività, bit-tema ‘Il-Mixja lejn il-Vot’, li se ssir nhar it-Tnejn sbatax ta’ Ottubru fis-sitta ta’ filgħaxija, se toffri l-ispazju għar-riflessjoni dwar dan l-avveniment li baqa’ mnaqqax fl-istorja ta’ pajjiżna.
Qalet, “Se nkunu qed nitkellmu dwar minn fejn tlaqna, fejn wasalna, u fejn nixtiequ naslu. Se jkun hemm panels diversi: hemm Maria Camilleri, Dominic Fenech, Paula Cauchi, u anki l-Onorevoli Rebecca Buttigieg, li se jkunu magħna biex niddiskutu flimkien. Anki moderator, se jkollna lil Simone Cini, u se naraw u nirriflettu fejn nixtiequ naslu ’l quddiem.”
Il-President tan-Nisa Laburisti sostniet li minkejja l-fatt li fiċ-ċentru tad-diskussjoni hemm il-mara, id-diskussjoni hija miftuħa għal kull min jixtieq jipparteċipa.
Qalet, “Punt importanti, li l-attività hija miftuħa għal kulħadd. Se jkollna nies b’backgrounds differenti: nisa, irġiel, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar, kif dejjem nitkellmu, il-mara Maltija ma tgħixx ġo bozza, jiġifieri għandek tfal li huma bniet, għandna aħwa li huma bniet, ommijiet – kulħadd għandu ommu, jiġifieri li niċċelebraw fejn konna u fejn wasalna u fejn nixtiequ mmorru, tgħodd għal kulħadd. ”
Din il-fergħa tal-Partit Laburista ħadmet ukoll fuq dokumentarju dwar din il-kisba li se jixxandar fuq l-istazzjon ONE.