Il-kiosk ta’ Fra Ben sebaħ magħluq, dan wara li lbieraħ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Awtorità tal-Artijiet sabu li l-operatur kien qed jerġa’ jikri umbrelel u deckchairs b’mod illegali. Kien għalhekk li l-awtoritajiet inforzaw l-għeluq b’mod immedjat tal-istabbiliment.
L-ispezzjoni
Din l-ispezzjoni saret wara li fl-aħħar jiem ittieħdet azzjoni konġunta bejn iż-żewġ awtoritajiet li matulha tneħħew umbrelel u deckchairs mill-bajja Ta’ Fra Ben fil-Qawra, ilbieraħ biż-żewġ awtoritajiet komplew bil-ħidma tagħhom ta’ infurzar fl-istess lokalità. Fi spezzjoni, l-uffiċjali taż-żewġ entitajiet sabu li madwar sebgħin deckchair kienu diġa’ nkrew lil membri tal-pubbliku meta seħħet l-ispezzjoni.
Azzjoni
L-operatur ġie avżat li l-MTA u l-Awtorita’ tal-Artijiet kienu se joħorġu €5000 f’multi, minbarra xi ispejjeż applikabbli filwaqt li l-istabbiliment kien se jingħalaq b’mod immedjat.
Aktar ħidma
Il-ħidma konġunta hija parti minn kampanja li għandha l-għan li tiżgura li r-regolamenti li jikkonċernaw il-bajjiet ikunu rispettati f’kull ħin. Azzjoni simili diġà ttieħdet fil-bajjiet tal-Armier u Little Armier, u f’postijiet oħra madwar Malta u Għawdex, operaturi qed jirregolarizzaw ruħhom b’mod volontarju biex jevitaw dan it-tip ta’ infurzar.