Jekk kien hemm bżonn ta’ prova li l-fatt li l-Oppożizzjoni m’għandhiex kredibbiltà, speċjalment fit-tmexxija ekonomika u ta’ kif jitmexxew il-finanzi tal-Gvern, kien propju mill-fatt li b’mod mill-aktar amatuer, lanqas biss irrealizzaw li pajjiżna miexi biex jerġa’ jagħmel surplus ieħor din is-sena.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio.
“Jekk wegħedna surplus inwettquh. Jekk wegħedna numru ta’ affarijiet fil-manifest elettorali, aħna kollha nwettquhom. Għalhekk, l-Oppożizzjoni tgħid x’tgħid fil-qasam tat-tmexxija ekonomika, in-nies bilfors jieħduha naqra biċ-ċajt, għas-sempliċi raġuni li meta kienu fil-Gvern, dawn wegħdu ħafna affarijiet u m’għamlu kważi xejn. Kienu wegħdu li jaqtgħu l-income tax għal kulħadd. Spiċċaw m’għamluhiex. Kellu jagħmilha dan il-Gvern sena wara oħra”.
Dr Muscat qal li llum għandna gvern li sena wara oħra rnexxielu jdawwar ix-xorti ekonomika tal-pajjiż. Qal ukoll li ma jistax jifhem kif il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hemm ‘wisq’ nefqa rikorrenti.
“Żidna lill-ħaddiema kollha tal-Gvern. Għamilna l-collective agreement tal-għalliema. Żidna l-għalliema. Għamilna l-collective agreement tan-nurses. Żidna n-nurses. Għamilna l-collective agreement tal-pulizija. Żidna lill-pulizija. Kif jitla’ Adrian Delia se jnaqqsilhom il-pagi dawn għax jgħidilhom li n-nefqa rikorrenti tkun żdiedet?”
Il-Prim Ministru Muscat spjega li l-kwistjoni mhux jekk tiżdiedx in-nefqa rikorrenti, imma kif in-nefqa rikorrenti tiżdied vis-a-vis id-dħul tal-Gvern. U l-Gvern bħalissa qed idaħħal aktar flus.
“Qed indaħħlu aktar flus għax in-nies qed jonfqu aktar. Qed indaħħlu aktar flus mill-bolla għax hawn iktar nies jaħdmu Maltin u barranin. U għalhekk nistgħu nżidu l-penzjonijiet u nixtru aktar pilloli. Onestament hija problema għall-pajjiż li meta niġu għas-si u n-no, il-Gvern isib ruħu jitkellem waħdu fuq kwistjonijiet serji ta’governanza ekonomika għax l-Oppożizzjoni f’dan il-qasam, bħal f’oqsma oħra hija totalment mitlufa”.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-messaġġ ewlieni tiegħu meta fl-aħħar jiem attenda għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-Istati Uniti.
“Barra l-laqgħat formali u informali, kif ukoll id-diskors ewlieni li fih tkellimt fuq tema ewlenija ta’ dan il-Gvern li hija l-ugwaljanza bejn is- sessi u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fuq l-orjentazzjoni sesswali if ukoll dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet indaqs ma’persuni b’diżabilità, barra li għamilna dan kollu, kelli laqgħat ma’ investituri biex inġibu aktar xogħol lejn il-pajjiż biex naraw li nippromwovu lill- pajjiż barra minn xtutna u noħolqu aktar xogħol”.
Dwar il-bidu tas-sena skolastika Joseph Muscat fakkar kif din is-sena bdiet ir-riforma tas-settur edukattiv permezz tal-programm My Journey, fejn 60% tal-istudenti tal-Year 9 għażlu tal-anqas suġġett vokazzjonali jew applikant wieħed. Saħaq ukoll li dan huwa qasam li jolqot eluf ta’ ġenituri u tfal, u l-kwistjoni dwaru għall-gvern tibqa’ waħda kruċjali, li jkompli jaħdem għalih.
Mistoqsi dwar is-servizz pubbliku fil-ġimgħa ddedikata għalih, il-Prim Ministru saħaq li dan sar wieħed aktar iffukat fuq il-klijent.
“Daħħalna għall-ewwel darba l-idea li meta joħroġ rapport l-Awditur Ġenerali, nirrisponduh. Meta joħroġ rapport l-Ombudsman, nirrisponduh. Biex inkunu qed nagħtu rendikont ta’ dak li jkun qed isir. Naraw x’ikunu proponew, x’għamilna, il-biċċiet li m’għamilniex għaliex m’għamilnihomx, fejn naqblu u fejn ma naqblux. Jekk tmur issaqsi x’kien isir qabel, ħadd m’għandu idea għaliex ma kienx hemm l-ebda tib ta’ kontabbiltà”.