Grazzi – Kelma waħda minn għalliema li fissret ħafna għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li ta’ kuljum jaħdmu għall-ġid taċ-ċittadini kollha.
Kienu l-għalliema tal-Kinder 2 f’isem l-iskola primarja ta’ Ħal Linja, Ħal Balzan u l-Iklin li rringrazzjat lill-pumpier Frederick Sammut għaż-żjara li għamel lil dawn l-istudenti ċkejknin.
Huma ngħataw l-opportunitá li jmorru fl-istazzjoni tat-tifi tan-nar tax-Xemxija u jaraw u jmissu b’idejhom il-vettura użati għat-tifi tan-nar filwaqt li jitgħallmu fuq l-użu tagħhom. Tispikka wkoll ir-reazzjoni fuq wiċċ iċ-ċkejknin mad-daqq tas-sirena li bħal donna affaxxinathom.
F’nota li bagħtu lill-pumpiera, l-għalliema stqarret li ma kienux biss it-tfal li ħadu gost f’din iż-żjara iżda anke huma. Din l-attivitá kienet waħda mill-bosta inizjattivi li jieħdu d-dipartiment tal-Protezzjoni ċivili biex ikunu eqreb tal-komunitá.
Matul is-sena jsiru diversi żjarat kemm fl-iskejjel u anke fl-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar mill-istudenti biex jingħataw għarfien dwar il-ħidma tal-pumpiera b’mod partikolari fuq l-użu responsabbli tan-numru 112.