Il-kelma ‘frodi’ ma teżisti qatt u mkien f’rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u hija biss invenzjoni oħra ta’ Bernard Grech u l-fergħat estremisti tiegħu.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn intqal li dan huwa Partit Nazzjonalista fake li filli jattakka u jiddubita mill-integrità tal-Kummissarju għall-Istandards u filli joħroġ jikkwotah ma’ kull sentenza li Bernard Grech jaħseb li jista’ jużaha għal skopijiet politiċi.
Partit Nazzjonalista fake mmexxi minn Kap li huwa ppruvat bħala każ klassiku ta’ evażjoni tat-taxxa.
Partit Nazzjonalista fake li ilu tlett snin jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Mhux ta’ b’xejn li hemm deputati Nazzjonalisti tant imxebba bit-tmexxija tagħhom li spiċċaw jilleakjaw l-iktar dokumenti sensittivi u interni.
Il-fatti fil-każ imsemmi llum jirreferu għal impjieg li jmur lura iktar minn tlett snin u li dam ftit xhur. Il-persuna in kwistjoni wettqet ix-xogħol tagħha u l-Kummissarju għall-Istandards jikkumenta dwar il-funzjonijiet tal-persuna relatati mat-titlu tal-kariga tagħha.
Tant hu hekk li l-Kummissarju għall-Istandards ma sab ebda nuqqas kriminali u ma rreferiex il-każ lill-awtoritajiet oħra bħall-Pulizija kif kellu kull fakultà li jagħmel skont il-liġi.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista joqgħod jehda fl-attakki personali, il-Partit Laburista se jħalli l-proċess parlamentari jintemm kif mitlub mill-investigazzjoni tal-istess Kummissarju għall-Istandards.
L-ebda minn dawn it-tattiċi intimidatorji tal-Partit Nazzjonalista m’hu se jtappan il-benefiċċji tal-Budget li ġie imħabbar ġimgħa ilu u li bħas-soltu tefa’ lil Bernard Grech f’paniku assolut.
“Tassew il-ġurnata minn filgħodu turik, dalgħodu gidbu fuq laqgħa u issa gidbu fuq x’għid eżatt rapport”, temm jgħid il-Partit Laburista.