Fil-paġna tiegħu fuq il-Facebook, l-eks kandidat Nazzjonalista Dr Herman Farrugia osserva li bil-mod kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qassam ir-responsabbiltajiet tal-portafolli tax-Shadow Ministers tal-Oppożizzjoni, mhux anqas minn dsatax mit-tnejn u tletin deputat li ġew assenjati portafoll se jkollhom jaħbtu f’xulxin sabiex jidentifikaw ruħhom u jaħdmu fl-oqsma li ġew fdati biex ikopru.
Dr Farrugia kkalkula li hemm tal-anqas sittin fil-mija tad-Deputati Nazzjonalisti li se jkollhom jidħlu fl-għalqa ta’ xulxin fl-oqsma li se jkunu qed jissorveljaw. Dan bilfors se jostakola bla bżonn kemm l-individwalità kif ukoll l-effettività ta’ ħidmiethom.
Qal, “Jidhirli li hemm duplikazzjoni f’ċerti rwoli, partikolarment f’dawk li għandhom x’jaqsmu mas-Saħħa – fejn aħna insistejna dejjem li parti prinċipali, primordjali, ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità u sostenibbli hija l-kura primarja – din tqassmet bejn erba’ deputati Nazzjonalisti. Tgħiduli: għaliex hija ħażina? L-ewwel nett, id-duplikazzjoni fiha nfisha hija nuqqas ta’ effikaċità. Hemm ċerti deputati li se jkunu qed jaħbtu f’xulxin f’kura primarja, kura tal-anzjani, affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ġlieda kontra l-obeżità…”
Fil-paġna tiegħu fuq il-Facebook l-eks kandidat Nazzjonalista rrimarka li l-istqarrija uffiċjali li biha l-Partit Nazzjonalista ħabbar ix-Shadow Cabinet tonqos milli tagħti lista tal-importanza ġerarkika tal-portafolli mingħajr ma tħares lejn l-uċuħ tad-deputati maħtura nnifishom. Huwa qal li x-Shadow Cabinet Nazzjonalista seta’, b’daqxejn aktar immaġinazzjoni, wera forma aktar ċara ta’ maturità politika, konsistenza strateġika, u kredibilità.
“Jien kont nistenna li l-iskeda tad-dekasteri tieħu xejra aktar innovattiva kif ukoll konċiża. Dan sabiex tissaħħah il-kredibilità fil-kontinwità u konsistenza,” sostna Herman Farrugia.
Żied jgħid li l-mod kif tqassmu r-responsabbiltajiet tax-Shadow Ministers Nazzjonalisti juri assessjar dgħajjef u nieqes mill-oġġettività politika min-naħa ta’ Bernard Grech.
Qal, “L-inkonsistenza li rajt hi li jekk hu, ġeneralment, irid jinvolvi lil kulħadd, dawn ġeneralment m’għandhomx jissejħu shadow ministers jew shadow cabinet. Għandhom ikunu policy spokespersons – jekk hemm bżonn principal policy spokerspersons – u jittimjaw magħhom grupp ta’ deputati li ovvjament ikun irid jinkludihom, u hekk għandu jkun. Anzi, għandhom ikunu involuti l-35, mhux 32 minnhom biss u tlieta qishom tqalftu ’l barra sempliċiment għax ingħad, kif ingħad, li kienu jikkorrispondu għal Ministeri taħt il-gvern ta’ Dr Lawrence Gonzi li, inċidentalment, anki fil-kampanja elettorali daqskemm faħħarnih…”
Bernard Grech offra portafoll fix-Shadow Cabinet tiegħu lid-deputati kollha eletti tal-Partit Nazzjonalista iżda ħalla barra tlieta: lil Mario de Marco, lil Chris Said, u lil Carm Mifsud Bonnici.