Matul il-Konferenza Ġenerali bit-tema “Insaħħu Malta Tagħna” tkellmu diversi kelliema dwar x’jixpruna lill-Partit Laburista biex flimkien insaħħu lil Malta u lil dawk kollha li jgħixu fis-soċjetà tagħna.
Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard tkellmet dwar kif sena u nofs ilu bdiet mixja ġdida biex għal darba oħra l-poplu jafda lill-Partit Laburista. Hija tenniet l-importanza li l-politika titfassal fost in-nies u għalhekk il-workshops b’temi differenti li seħħew f’ġimgħa ta’ attivitajiet fl-isfond ta’ din il-konferenza.
Il-President tal-Partit Laburista tenniet li din is-sena se terġa’ tkun waħda ta’ prova, u li għandu jkollna ħsieb wieħed, li jekk insaħħu lil dan il-Partit, inkunu qed insaħħu lil Malta.
Qalet, “Il-Partit Nazzjonalista qed jisfidana, qed jisfidana biex ma ngħinux lin-nies billi jipprova jitterorizzahom. Mhux se jirnexxilhom, aħna nisfidaw lura billi ngħinu aktar nies. Qed jipprova jisfidana li mhux se nkomplu għaddejjin b’ritmu tajjeb ekonomiku għax iridna nistaġnaw lill-pajjiż. Aħna nisfidaw li dan il-Baġit se jara l-isfida tagħna iswed fuq l-abjad.”
Intant il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem dwar it-tema “Insaħħu Malta tagħna” li tmur lura għal ġrajja ta’ poplu li għeleb kull sfida li qatt ġiet quddiemu.
Qal, “Ma nistgħux inkunu sodisfatti bil-bidliet kbar li wettaqna. Irridu nkomplu nkunu id-dar naturali tal-bidla, il-moviment ta għada, rridu nkomplu nkunu l-kapitali tal-ispirazzjoni, rridu nkomplu nkunu t-tim li lest li jaħdem ma kull min għandu rieda sħiħa li nieħdu dan il-pajjiż il’ quddiem.”
Tkellem ukoll il-kardjologu Robert Xuereb li emfasizza kif f’dawn l-aħħar għaxar snin biddel il-mod ta’ kif pajjiżna jikkura l-pazjenti li jidħlu l-isptar bi problemi tal-qalb. Huwa semma’ diversi miżuri li ttieħdu biex il-kura tal-qalb tingħata b’iktar effiċjenza u bis-saħħa ta’ dan qed jiġu imħarsa aktar il-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Qal, “Bis-saħħa ta’ dawn l-interventi kollha u l-avvanzi li għandna, bis-saħħa tal-mediċini ġodda li daħħalna għall-kura tal-qalb, illum naqqasna l-imwiet bin-nofs fl-aħħar għaxar snin, tmintax-il sena.”
Intant, il-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield qal kif f’35 sena fil-Partit Laburista dejjem ra l-qalb tħabbat tal-poplu u dan baqa’ jispirah. Huwa temm jgħid li l-prinċipju politiku huwa l-kumpass li jigwida lil kull politiku u rrimarka li l-politikant waħdu ma jista’ jagħmel xejn jekk ma jkollux miegħu lin-nies jimxu warajh.
Qal, “Id-dmir li jiggwidana kuljum u dejjem huwa li kuljum inqumu filgħodu, inxamru l-kmiem u naħdmu aktar milli qatt ħdimna sal-lum il-ġurnata. Fejn għamilna l-iżbalji rridu nirranġawhom u fejn għandna l-isfidi rridu naffaċjawhom imma dejjem nibqgħu sodi mal-prinċipji tagħna.”