Id-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista flimkien mal-President tal-Partit, għaddew messaġġ b’saħħtu favur il-ħaddiem li huwa s-sinsla tas-suċċess li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, tkellmet dwar l-obbligu li l-Partit jibqa’ jiġġedded biex jibqa’ relevanti.
Minkejja dan, il-viżjoni futura għandha tirrifletti s-suċċess li diġà kiseb pajjiżna f’diversi oqsma tal-ħajja, mill-edukazzjoni sa titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Hija għamlet elenku sħiħ tas-suċċessi li kiseb il-pajjiż, fosthom il-ħolqien ta’ opportunità liż-żgħażagħ biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, il-ħolqien ta’ drittijiet ċivili ugwali, u għajnuna lil dawk li jixtieq ikollhom tarbija.
Qalet, “Bqajna nagħtu l-opportunitajiet lin-negozji biex ikomplu jikbru bis-sussidji tal-enerġija u l-fjuwil. Lill-ħaddiema bqajna nemmnu fihom bil-wage supplement biex jibqgħu għaddejjin f’wieħed mill-akbar mumenti ta’ sfida li għixna bħala pajjiż. Fuq kollox il-familji Maltin u Għawdxin tajniehom l-opportunità jirritornaw għall-ħajja li nafu kif jgħixuha wara l-Covid billi ngawdu lil xulxin.”
L-istess messaġġ kien espress ukoll mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-Partit Laburista, Daniel Micallef li tkellem ukoll dwar l-atteġġjament tal-Oppożizzjoni.
Dan wara li l-Partit Nazzjonalista għamel tiegħu l-għajta ‘is-saħħa lill-ħaddiem’, minkejja li fil-mument tal-prova dejjem joħroġ kontra l-miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu.
Qal, “U kif se jagħtu s-saħħa lill-ħaddiem nistaqsi jiena. Li mal-ewwel ċans jisirqulhom mill-ġdid il-festi pubbliċi f’isem il-kompetitività? Liema festi dan il-Gvern ta lura lill-ħaddiem. Kif ser jagħtu s-saħħa lill-ħaddiem? Li mal-ewwel diffikultà jgħollulu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-qalb. Li dan il-Gvern raħħas u għadu jissussidja sal-lum. Ser jagħtu s-saħħam lill-ħaddiem billi jerġgħu jżidulu l-età tal-irtirar?”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, tkellem dwar is-suċċess li kiseb pajjiżna fil-qasam importanti tas-saħħa.
Huwa fakkar kif fl-aħħar snin mhux biss żdiedu s-servizzi mediċi offruti iżda ġew implimentati miżuri li taw opportunitajiet ġodda lil dawk il-ġenituri li għal xi raġuni ma setax ikollhom it-tfal.
Qal, “Daħħalna għall-ewwel darba f’pajjiżna mingħajr ħlas is-servizz tal-IVFu diġà għandna erba’ mija u tmenin ħajja ġdida, grazzi għall-viżjoni Laburista. Illum nista’ nħabbar illi għandna ħamsa u sittin mara oħra tqila, ħamsa u sittin tarbija oħra li ġejja fid-dinja, grazzi għall-miżuri, grazzi għall-emendi li daħħalna u kellna l-kuraġġ indaħħlu bħala Partit u bħala Gvern.”
Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti mal-infermiera u l-qwiebel, id-Deputat Prim Ministru irringrazzja lill-ħaddiema kollha fis-servizz tas-saħħa li ta’ kuljum jagħmlu xogħol professjonali.
Huwa temm jgħid kif jinsab kunfidenti li fiż-żmien li ġej jintlaħaq ukoll ftehim, anki wara li tħabbar kif dawn se jgawdu minn kundizzjonijiet u pagi aħjar.