Dan hu Charles Azzopardi, il-Kelliem għall-Kaċċa u l-Insib tal-Partit Nazzjonalista, li ddeċieda li jagħmel vidjow fuq il-pjattaforma TikTok, li fih għamel paniġierku sħiħ, waqt li rikeb fuq is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra pajjiżna fl-aħħar jiem.
Fil-fatt fuq il-vidjow, fejn spiċċa laqqat kritika vasta, il-Kelliem Nazzjonalista jinfexx fir-retorika ta’ attakki kontra l-Gvern, fejn anke pprova jagħti lezzjonijiet lill-Gvern dwar x’għandu jagħmel biex jissalvagwardja l-prattika tal-insib f’pajjiżna fuq seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.
Minkejja dan, biex jipprova jintogħġob mas-segwaċi tiegħu, Azzopardi uża għasfur domestiku – kanarin – li ma ssibux fis-selvaġġ jekk mhux għax ħarab lil xi ħadd mid-dar tiegħu u allura wisq inqas jaqa’ taħt id-deroga mid-Direttiva tal-Għasafar li ġiet adottata minn Malta fl-aħħar snin.
Fil-fatt, is-seba’ speċi ta’ għasafar, li jaqgħu taħt din id-deroga, huma dawk taż-Żebbuġ, il-Gardell, l-Ekri, il-Ġojjin, l-Apparell u l-Verdun.
Dik li ġiet deskritta bħala mossa finta minn Azzopardi, bl-użu ta’ kanarin abjad f’gaġġa, ġiet innotata minn bosta.
Hu rrimarka b’ironija li dan ġej minn min suppost irid jimbotta ’l quddiem l-interessi ta’ eluf ta’ nassaba Maltin u Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri, li hu responsabbli mill-qasam tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna, qal li l-Gvern ikkonferma li d-deroga ta’ riċerka applikata sa mill-elfejn għoxrin kienet waħda leġittima, għajr għal xi rikjesti tekniċi.
Huwa qal li hu kommess li jindirizza dawn ir-rikjesti u kif dejjem għamel, ikompli jipproteġi dan id-delizzju, b’konformità mal-liġi u d-deċiżjoni Ewropea.