Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża ddeploraw stqarrija li sejħulha bla bażi u irresponsabbli li għamel il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, Justin Schembri. Huma qalu li dak li kiteb fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook seta’ jallarma lill-ġenituri u t-tfal fl-iskejjel.
Justin Schembri allega, mingħajr ma ppreżenta l-fatti, li l-funtani tal-ilma tax-xorb li hemm installati fl-iskejjel ma ssirilhomx manutenzjoni, bir-riżultat li studenti tal-iskola medja ta’ San Ġorġ Preca spiċċaw ma jifilħux wara li xorbu mill-ilma.
L-itqqarrija tal-Gvern tinnota li, ftit minuti biss wara li kien tella’ l-kumment, Justin Schembri emenda dak li kien kiteb għax il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mill-ewwel ċaħdet l-allegazzjonijiet tiegħu, anke wara li saru l-verifiki mal-Kap tal-iskola.
Il-Ministeri qalu li stqarrijiet bla bażi bħal dawn huma kundannabbli, speċjalment meta jkunu ġejjin minn figura pubblika. Għalhekk, qabel ma wieħed ixerred aħbarijiet foloz, għandu jivverifika l-fatti. Il-fatti juru li l-funtani jsirulhom manutenzjoni u tindif regolari, kif ukoll testijiet għall-kwalità tal-ilma.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li qiegħed jinvesti bis-sħiħ fis-settur edukattiv, anki fejn tidħol is-saħħa tal-istudenti, u kien għalhekk li ġew installati dawn il-funtani fl-iskejjel, bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Din hija inizjattiva li tħalli impatt pożittiv kemm fuq is-saħħa kif ukoll fuq l-ambjent.
L-istqarrija temmet tgħid li, għalhekk, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża se jibqgħu impenjati li jwessgħu din l-inizjattiva.