F’diskors li għamel fil-Parlament, id-Deputat u Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għax-Xogħol u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda, Ivan J. Bartolo, żgarra meta rrefera għall-għadd ta’ persuni li llum il-ġurnata huma f’impjieg u pprova jqarraq biex jagħti stampa li mhix minnha.
Hu qabbel ir-rata ta’ dawk li jaħdmu ma’ dawk li, għal xi raġuni jew oħra, mhumiex f’impjieg f’pajjiżna. Skontu, din hi kważi ndaqs, jiġifieri li, għal kull persuna f’impjieg, hemm oħra li mhijiex.
Qal, “Nafu li f’dan il-pajjiż, bħalissa, ir-rata ta’ bejn dawk li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux hi kważi one to one, jekk taħdem il-mathematics biex inkun ċert, biex inkun ċar u ħadd ma jirredikolani, hi 51% ma’ 49%, 51% qed jaħdem u 49% tal-poplu ma jaħdimx.”
Bil-maqlub, jidher li l-matematika mhijiex il-forte tiegħu.
Fil-fatt, Bartolo kien żbaljat kompletament, tant li, fil-verità, l-ammont ta’ persuni li jaħdmu mill-popolazzjoni hu ta’ 55%, filwaqt li dawk li ma jaħdmux jammontaw għal 45%.
Apparti l-fatt li dan hu kejl għal kollox barra minn loku għax in-numru ta’ dawk li jaħdmu qed jitqabbel ma’ dawk li ma jaħdmux fosthom pensjonanti, anzjani inkluż dawk li jgħixu fid-djar u sptarijiet, persuni b’diżabilta’, morda u tfal taħt is-16-il sena, analiżi taċ-ċifri fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista sal-2013, wieħed isib li dakinhar ir-rati kienu kompletament bil-maqlub.
Fil-fatt taħt it-tmexxija ta’ GonziPN, l-ammont ta’ persuni f’impjieg kienu jlaħħqu 41% tal-popolazzjoni, filwaqt li 59% ma kienu fl-ebda mpjieg. Dakinhar ukoll kien hawn ferm inqas pensjonanti, anzjani u tfal, fost oħrajn.
Kellha tkun il-ħidma li saret fl-aħħar 11-il sena minn Gvernijiet Laburisti, li ħolqu l-opportunitajiet biex ir-rata tar-riżorsa ewlenija li għandu pajjiżna tissaħħaħ bil-kbir fis-suq tax-xogħol.
Dan partikolarment bl-inċentivi, bħaċ-childcare b’xejn, biex aktar nisa, l-iżjed, jingħataw ċ-ċans li jirritornaw fid-dinja tax-xogħol u anke benefiċċji, bħall-In-Work Benefit u t-tapering, li qalgħu lil eluf minn fuq id-dipendenza tal-għajnuna soċjali mill-Istat u kisbu d-dinjità f’ħajjithom.
Dan, flimkien ma’ mijiet ta’ miżuri oħrajn, stimulaw l-ekonomija, ħolqu livell rekord ta’ mpjiegi u naqqsu l-qgħad u ġabu d-dipendenza soċjali fl-inqas livelli qatt irreġistrati.