F’artiklu fuq il-gazzetta Nazzjonalista Il-Mument, il-Kelliem Ewlieni għall-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista, Jerome Caruana Cilia, sostna li l-Baġit għall-2024 ‘Malta Ġusta’ żgur mhux effettiv, għax f’pajjiżna hawn faxxa ta’ persuni li ma jaffordjawx spiża għall-għarrieda ta’ madwar €770.
Ir-riżultat, li joħroġ mill-kejl tal-Unjoni Ewropea msejjaħ EU-SILC, ifisser li madwar 15% jinsabu f’din il-qagħda f’nofs kriżi internazzjonali li, fost oħrajn, kellha l-effetti tagħha fuq l-għoli tal-ħajja.
Iżda waqt li Caruana Cilia ttanta jilgħab biċ-ċifri għall-iskopijiet partiġġjani tiegħu, mank ta titwila lejn l-istess statistika fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista meta kienu għaddew ħames snin minn fuq il-kriżi finanzjarja tal-2008, li wkoll kienet ferm iżgħar minn dik tal-lum.
Fil-fatt li ma ndunax il-Kelliem tal-Oppożizzjoni hu li, fi żmien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, immexxi minn Lawrence Gonzi, meta skontu l-poplu kien ferm aħjar milli hu llum, kien hemm 25% tal-popolazzjoni f’din il-qagħda.
Dan ifisser li, fuq perjodu ta’ għaxar snin, Gvern Laburista naqqas din ir-rata b’għaxar punti perċentwali jew kważi bin-nofs.
Statistika, li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fl-2013 turi wkoll li dakinhar il-kejl użat kien ferm inqas rigoruż minn dak tal-lum, għax l-ispiża għall-għarrieda kienet ta’ €450 jew 60% biss tal-kejl aktar strett li qed jintuża illum.
Li jfisser li, jekk jintuża l-istess kejl tal-2012, illum kienu jkunu ferm inqas mill-15% tal-popolazzjoni li ma jaffordjawx spiża għall-għarrieda.
Minbarra hekk, il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni wkoll injora –apposta jew għax ma jafx aħjar – li l-istatistika tal-Eurostat tindika li, bħala medja, madwar l-Unjoni Ewropea huma 32% tal-popolazzjoni mhumiex f’qagħda li jaffordjaw spiża għall-għarrieda, id-doppju ta’ dik f’pajjiżna.
F’pajjiżi oħrajn fl-UE, bħall-Ġreċja, ir-rata hi ta’ 44%.
F’dan ir-rigward, fil-fatt Malta għandha t-tieni l-inqas rata fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea, bl-Olanda biss li għandha rata inqas minna b’nofs punt perċentwali.
Dan ma kienx il-każ fl-2012 meta Malta kellha rata ta’ persuni li ma jifilħux spejjeż għall-għarrieda kważi ħames punti perċentwali aktar mill-pajjiż bl-inqas rata fl-Ewropa.
Għal darb’oħra l-Kelliem għall-Finanzi tal-Oppożizzjoni, responsabbli mit-“tgħaffiġa” tal-pre-budget document Nazzjonalista s-sena li għaddiet, reġa’ wera kemm mhux ta’ stoffa u kemm il-pożizzjoni li jaspira li jokkupa – dik ta’ Ministru għall-Finanzi – żgur ma tixraqlux.