Sigħat wara li l-Qorti tat sentenza li fiha kkonfermat li kandidat tal-Partit Nazzjonalista ffalsifika dokument, il-kelliem għall-governanza tajba tal-Partit Nazzjonalista għadu ma lissinx nofs ta’ kelma.
Fi stqarrija l-Partit Laburista spjega kif wieħed kien jistenna li kelliem għall-governenza tajba, li f’dan il-każ inzerta Simon Busuttil, jgħid x’azzjoni se jkun qed jieħu l-PN fil-konfront tal-kandidat tiegħu.
Il-PL qal kif peró jista’ jkun ukoll li Simon Busuttil ma lissinx kelma waħda għax lil Ryan Mercieca ħallih jikkontesta u saħansitra mbottah fuq Għawdex meta kien diġa’ deher evidenti kif kien qed jabbuża mill-irwol li kellu mal-għaqdiet volontarji. Xi ħaġa li llum hi kkonfermata f’sentenza iebsa tal-Qorti tal-Maġistrati.
Temm billi qal li ta’ min jgħid li din id-deċiżjoni ngħatat fl-istess jum li Simon Busuttil tilef ukoll appell f’kawża ta’ libell. Tassew l-għażla ta’ Adrian Delia għal kelliem dwar governanza tajba ma setgħetx kienet agħar.