Il-kelliem tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech wissa lil membri tal-partit dwar dak li jgħidu filwaqt li ħalliha lixxa lil tar-Repubblika.
Peter Agius, li ġie ppreżentat bħala l-kelliem uffiċjali tal-Kap b’tant pompa fl-aħħar jiem, kiteb fuq Facebook anki b’referenza dwar l-aħħar ferment u ġlied li qam fil-partit ta’ Bernard Grech, fejn iż-żewġ fazzjonijiet, dik ta’ Simon Busuttil u dik ta’ Adrian Delia reġgħu bdew jitgħajru.
Quddiem kummenti tal-kandidat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg, li qed jitlob lill-Partit Nazzjonalista jiddistakka ruħu minn tas-Civil Society Network u tar-Repubblika u quddiem anki dak li qal Adrian Delia, li tar-Repubblika u l-Partit Nazzjonalista m’għandhomx ikunu ħaġa waħda, Peter Agius kiteb li huwa perikoluż li ċertu membri tal-partit jiddevjaw mill-messaġġ tal-partit.
Il-kelliem tal-Kap għamel din id-dikjarazzjoni f’dik li tista’ tiġi interpretata li beda jipponta s-swaba’ lejn Alex Borg u Adrian Delia nnifsu talli qamu jitkellmu anki wara li tas-Civil Society Network hedded lil Bernard Grech li lesti jiftħu partit ieħor li jieħu post il-Partit Nazzjonalista.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali li jissimpatizzaw mal-fazzjoni Delia qalulna li Peter Agius imbagħad libes l-ingwanti tal-bellus għal mal-forzi tal-establishment li dejjem jiddettaw x’għandu jagħmel il-Kap u kif għandu jimxi l-Partit Nazzjonalista.
Dawn fakkru li sa ftit tal-jiem ilu, Peter Agius, bħala l-kelliem ta’ Bernard Grech kien fuq il-mejda tal-laqgħa fid-Dar Ċentrali bejn it-tmexxija Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika fejn ġiet diskussa strateġija politika.
“X’ma jħallijilhomx lixxa, lil dawk, iva, dawk jistgħu jkasbru Nazzjonalisti stess u jgħajruhom faxxisti”, saħaq wieħed minn dawk ta’ Delia, li nnota kif it-tmexxija ta’ Bernard Grech mhux tiddefendi u taqbeż għal Adrian Delia, quddiem allegazzjonijiet rappurtati mil-Lovinmalta li waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, Adrian Delia kien qed jibgħat il-messaġġi lin-negozjant Fenech.