Fi stqarrija Ministerjali dettaljata il-Ministru tal-Edukazzjoni ilbierah ta rendikont tal-korrispondenza li għaddiet bejnu u l-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Philip Rizzo. Dan minn April sa ftit tal-jiem qabel ir-riżenja riċenti ta’ Rizzo. Il-Ministru Bartolo qara messaġġi bl-SMS u imejls li kull darba urew kif Bartolo kien qed jgħid li ebda persuna li tagħmel ħażin ma jista’ jgawdi minn xi tip ta’ protezzjoni jew immunità.
Minflok kien il-Parlament, preżenti għall-istqarrija bħal din wara serje sħiħa ta’ attakki, il-kelliem għall-edukazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ipprefera jkun f’Tal Pietà, jitkellem fuq it-televiżjoni.
Bejn Tal-Pietà u l-Parlament fil-Belt Valletta, jekk hemm għaxar minuti bogħod. Iżda George Pullicino ipprefera ma jkunx preżenti għall-ispjega tal-Ministru, u jkompli jattakka waħda f’waħda fuq il-mezzi tax-xandir tal-PN.
Kieku kien jisma’ lill-Ministru jispjega li kull darba li kien hemm allegazzjonijiet kien qed jintalab li jinġabar it-tagħrif u saħansitra inħatret investigazzjoni li tmexxiet mis-Sur Paul Bonello. Ladarba din l-investigazzjoni kkonkludiet li kellhom jittieħdu passi, il-Ministeru tal-Edukazzjoni bagħat il-każ lill-pulizija. Saħansitra, qal il-Ministru Bartolo, kien hu ukoll li talab lil Edward Caruana jitneħħa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.