Il-xamma tal-kelba Sophie mit-taqsima ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus fid-Dwana Maltija, irnexxielha taqbad aktar minn €19,000 flus kontanti li ma kinux iddikjarati. Dawn instabu fuq passiġġier Rumen li kien għaddej mill-port.
Fi stqarrija d-Dwana spjegat li r-raġel kien se jabqad il-katamaran lejn Sqallija, u meta kien mistoqsi kellux x’jiddikjara mad-Dwana, qalilhom le. Wara tfittxijiet li saru fuqu nstabulu aktar minn €19,000.
S’issa dan ix-xahar, id-Dwana rnexxielha taqbad ftit anqas minn €48,000 flus kontanti li ma kinux iddikajrati. Mill-bidu tas-sena ’l hawn, it-taqsima ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus qabdet aktar minn €643,000 mhux iddikjarati, f’39 każ separat.
Skont il-liġi ta’ Malta passiġġieri li jivvjaġġaw minn jew lejn pajjiżna jistgħu jġorru fuqhom biss sa €10,000 fi flus kontanti, u jridu jiddikjaraw il-flus kontanti jew ċekk li jaqbżu dan l-ammont.