Il-kelba Sophie mit-Taqsima tal-Klieb tad-Dwana fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wasslet għal sejba ta’ aktar minn tlettax-il elf ewro fi flus mhux iddikjarati.
Fi stqarrija ingħad li l-ħidma tal-uffiċjali mit-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus tad-Dwana, xorta baqgħet għaddejja b’mod normali minkejja li hemm biss ftit titjiriet skedati minn u lejn Malta.
Fil-fatt, il-ħidma tal-uffiċjali hija kontinwa mal-fruntieri u bi spezzjonijiet ta’ rutina bil-għan li titwaqqaf kull tip ta’ attività illeċita mal-fruntieri.
Waqt spezzjoni ta’ rutina, saret tfittxija fil-bagalja ta’ passiġġier li kien sejjer fi Stat Membru Ewropew, bl-għajnuna tal-kelba tad-Dwana.
Meta mistoqsi jekk kienx qed iġorr ammont kbir ta’ flus, il-passiġġier wieġeb fin-negattiv, imma spezzjonijiet li segwew, irriżultaw fis-sejba ta’ tlettax-il elf u disgħin ewro.
Il-passiġġier ġie mmultat dak il-ħin stess skont il-liġi Ewropea.