Il-kelb li kien fuq fomm kulħadd issa jinsab imfejjaq u sab familja li żgur se tkun qed ittih ħajja isbaħ. Dan il-kelb tar-razza boxer safa vittma ta’ abbuż u saħanistra nstabulu fdalijiet taċ-ċomb f’rasu. Dan il-kelb kien maħqur mill-bniedem, saħansitra qatawlu denbu u użaw imqass jew makkinarju biex jaqtgħulu widnejh.
Illum, l-Assoċjazzjoni għall-annimali abbandunati (AAA) ħabbret li dan il-kelb wara numru ta’ operazzjonijiet huwa fieq minn dan l-abbuż makabru. Il-kelb għad għandu bżonn operazzjoni waħda biss, biex jitneħħilu ċ-ċomb minn rasu, iżda din trid issir aktar ‘il quddiem fuq il-parir tal-veterinarju.
Kien hemm aktar minn ħmistax-il familja li riedu jaddottaw lil Horace, iżda fi tmiem il-ġimgħa dan il-kelb mar fid-dar il-ġdida tiegħu.
L-AAA stqarret li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha bl-għan li ssir ġustizzja dwar dan l-abbuż.