F’Marzu li ġej jagħlaq tliet snin. Iwieġeb għall-isem ta’ Enzo. Dan hu l-kelb tar-razza English Springer Spaniel. Id-destin tiegħu kellu jarah jibdel lil sidu.
John Zarb li kien ġabu bħala ġeru, minħabba li mar jgħix f’dar oħra, ma kienx possibbli għalih li jibqa’ jrabbih u għalhekk iddeċieda li jikteb fuq Facebook, bl-intenzjoni li kontra qalbu jagħtih lil xi ħadd, li seta’ jieħu ħsiebu u jħobbu bħalma kien jagħmel hu.
Qal, “L-aktar ħaġa importanti kienet li, lil min nagħtih, jieħu ħsiebu sewwa u kultant żmien irrid narah il-kelb u li jkun miżmum sewwa kif suppost u ma jkun nieqes minn xejn. Il-kelb, kif kien għandi, irid jżommu hu”.
Kien qrib il-Festa ta’ San Pawl, fi Frar li għadda. Kienu proprju l-kollega ta’ Marjanu Bonello, Bernard, li ra l-messaġġ li kien tella’ John Zarb fuq Facebook u tgħarraf b’dan kollu lil sieħbu.
Stqarr, “Il-kollega tiegħi Bernard ra dan il-post fuq Facebook, qalli hemm xi kelb għall-adoption u jiena qbadt u kellimt lis-superjuri tiegħi għedtilhom li hawn dan il-kelb li jixtiequ jagħtuh għall-adoption”.
Il-Kuntistabbli Marjanu Bonello tkellem magħna dwar kif hu minn dejjem kien jaħdem fis-Sezzjoni tal-Klieb, il-K9, fi ħdan il-Pulizija ta’ Malta.
Qabel Enzo, hu kien jieħu ħsieb kelb ieħor. Sfortunatament kellu jirtirah minħabba li kien kiber. Marjanu qalilna li llum dan il-kelb xorta waħda qed jagħmel xogħol fejjiedi.
Qal, “Il-kelb li kelli, kelli nirtirah u kont lucky li sibnilu home, fil-Caritas. Qiegħed hemm biex jgħin lin-nies fil-Caritas bħala therapy dog, għas-sapport tan-nies, imbagħad kont tkellimt mas-superjur tiegħi dwar il-possibbiltà biex nadottaw kelb.”
Minn hemm ’il quddiem, Enzo beda ħajja ġdida. Marjanu għamel kuntatt ma’ John. Jiftakar li dakinhar li Marjanu mar għall-kelb, kienet ġurnata ta’ maltemp kbir. Il-kelb sab postu fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, fejn, fost oħrajn, tħarreġ biex xogħlu sar wieħed mill-aktar importanti, dak li jfittex għall-isplussivi.
Sadanittant, John Zarb baqa’ jżomm kuntatt kontinwu ma’ Marjanu biex ikun jaf eżatt pass pass, fejn ikun wasal Enzo fit-taħriġ tiegħu.
Qal, “Jogħġobni ħafna li jaħdem mal-Pulizija, u sidu li jieħu ħsiebu, Marjanu nibgħatlu Whatsapp biex nara kif inhu l-kelb, insomma u anke jkun hemm xi attività tal-Pulizija jgħidli biex immur u nieħu pjaċir narah”.
Ma’ Marjanu, Enzo sab xortih. Qalilna li l-kelb, sa mill-ewwel darba li rah, bena relazzjoni kbira mas-sid il-ġdid tiegħu.
Bonello spjegalna li kull kelb li jkun fil-Korp ikollu rank ta’ Surġent. Qalilna wkoll li żiemel fil-kavallerija tal-Pulizija jkollu rank ta’ Spettur.
Hu rrakkontalna li Enzo llum sar il-mimmi t’għajnejh.
Qal, “Illum il-ġurnata aħna flimkien mas-suldati, l-EOD, immorru fuq VIPs biex infittxu jekk ikunx hemm xi sustanzi splussivi u mmorru ukoll fuq searches ta’ bomb threats, flimkien dejjem mal-EOD. Ix-xogħol importanti għal Enzo għax għandi l-ħajja tiegħi f’idejn Enzo llum il-ġurnata, il-kollega u ħabib, jiġifieri llum ma noqgħodx mingħajru dejjem flimkien aħna.”