Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret miżuri li għandhom ibiddlu t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) għall-kummerċ elettroniku fl-UE.
Il-proposti se jippermettu lill-konsumaturi u lill-kumpaniji, b’mod partikolari negozji żgħar u ġodda, jixtru u jbigħu prodotti u servizzi onlajn aktar faċilment.
Bl-introduzzjoni ta’ portal għall-UE kollha għall-pagamenti onlajn tal-VAT (servizz ta’ one-stop-shop), l-ispejjeż tal-konformità tal-VAT se jitnaqqsu sew u n-negozji fl-UE kollha se jiffrankaw €2.3 biljun fis-sena.
Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw ukoll li l-VAT jitħallas fil-pajjiż tal-konsumatur finali, biex ikun hemm distribuzzjoni aktar ġusta tad-dħul mit-taxxa bejn il-pajjiżi tal-UE.
Il-proposti għandhom jgħinu lill-Istati Membri jirkupraw il-madwar €5 biljun f’VAT li attwalment huma stimati li jintilfu kull sena mill-bejgħ onlajn. Fi stqarrija l-Kummissjoni qalet li t-telf fid-dħul huwa stmat li se jlaħħaq €7 biljun sal-2020 u għalhekk huwa essenzjali li tittieħed azzjoni issa.
L-Kumissjoni qalet li fl-aħħar qed twettaq il-wegħda li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw l-istess rata ta’ VAT tal-pubblikazzjonijiet stampati fuq mezzi elettroniċi bħal kotba u ġurnali onlajn, billi tneħħi dawk l-affarijiet li kienu jeskludu l-pubblikazzjonijiet elettroniċi minn trattament tat-taxxa favorevoli, li wara kollox huwa permess għall-pubblikazzjonijiet stampati tradizzjonali.
Se tittieħed ukoll azzjoni kontra l-frodi tal-VAT minn barra l-UE, li tista’ toħloq distorsjoni tas-suq u kompetizzjoni inġusta.
Dawn il-proposti leġiżlattivi issa se jitressqu quddiem il-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u quddiem il-Kunsill għall-adozzjoni.