F’ittra mibgħuta lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides irringrazzjat lil Malta għall-appoġġ li l-Kummissjoni Ewropea sabet minn pajjiżna fil-programm ta’ tilqim kontra l-COVID-19.
Il-Kummissarju għas-Saħħa saħqet li kieku l-Kummissjoni Ewropea ma kellix l-appoġġ sħiħ tal-istat membri, kieku ma kinitx tkun tista’ ttellaq programm ta’ vaċċinazzjoni fuq livell Ewropew.
Hija rrimarkat li Malta kienet waħda mill-aktar pajjiżi li tat appoġġ qawwi sabiex ikun jista’ jsir ix-xiri konġunt tal-vaċċin.
Programm li permezz tiegħu l-istati membri kollha kellhom aċċess ugwali u fl-istess waqt għal dan il-vaċċin.
Il-Kummissarju Kyriakides bagħtet din lill-ittra, bħala risposta għall-ittra li kien bagħat id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fejn kien ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tkun proattiva, billi tixtri l-konsenji neċessarji tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19, liema vaċċin jaf ikollna bżonnu fis-snin li ġejjin.
Hija tenniet li l-Unjoni Ewropea ffirmat it-tielet kuntratt ma’ BioNTech-Pfizer li jikkommetti lil din il-kumpanija tipprovdi sa wieħed punt tmien biljun doża oħra li se jibdew jitqassmu fl-aħħar tas-sena.