Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tmexxi ’l quddiem il-passaport tal-vaċċin.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li dan se jkun fuq il-bażi ta’ dawk in-nies imlaqqma, dawk li jkollhom test negattiv u li dawk li kienu pożittivi għall-virus u imbagħad l-immunità tagħhom telgħet.
Qalet, “What is the function of this certificate? It shows or states whether the person has either being vaccinated or a recent negative test or has recovered from Covid and has antibodies.”
L-Unjoni Ewropea qed tipproponi dan il-passaport, imsejjaħ bħala Digital Green Certificate sabiex ikun faċilitat li wieħed jivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor fl-Unjoni Ewropea.
Intqal kif dan iċ-ċertifikat se jkun servizz mingħajr ħlas, fejn iċ-ċertifikat jista’ jingħata b’mod tradizzjonali, jiġifieri fuq karta jew anki b’mod diġitali.Fuq dan iċ-ċertifikat se jkollu karatteristiċi ta’ sigurtà biex jagħmilha iżjed diffiċli li wieħed jiffalsifikah.
Il-pass li jmiss, huwa li sa qabel is-sajf, din il-proposta tkun approvata kemm mill-Parlament Ewropew u anke fuq livell ta’ Kunsill Ewropew bejn il-mexxejja Ewropej.
Malta, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, kienet fost l-ewwel pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li kienet appellat sabiex isir dan il-passaport ħalli jiġi faċilitat is-safar b’mod sigur.
F’Jannar li għadda, is-sit awtorevoli Politico kien irrapporta dwar ittra li kien bagħat il-Prim Ministru Malti Robert Abela lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen.
F’din l-ittra, il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li wasal iż-żmein li l-Unjoni Ewropea jkollha sistema kompjuterizzata bejn l-istati membri kollha, li jkun magħruf min huma dawk li ħadu t-tilqima kontra l-Covid-19.
Intant, fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet sal-aħħar ta’ Marzu se jkunu waslu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea madwar minn mitt miljun doża tal-vaċċin.
Spjegat kif m’għand Pfizer u BioNTech se jkunu ngħataw sitta u sittin miljun doża, m’għand Moderna se jkunu ngħataw għaxar miljun doża u minn AstraZeneca se jkunu ngħataw tletin miljun doża.
Ursula von der Leyen qalet kif fit-tieni kwart tas-sena se jintensifika t-tilqim għall-Covid-19 hekk kif minn April se jingħaqad il-vaċċin tal-Johnson & Johnson.
Bejn dawn l-erba’ kumpaniji ta’ tilqim sal-aħħar ta’ Ġunju se jkunu waslu tliet mija u sittin miljun doża tal-vaċċin għall-Covid-19.