Alfred Sant qal lil France 24 li l-Kummissjoni Ewropea ħasset li kellha tinvestiga l-banek iż-żgħar li joperaw fl-iċken stati membri tal-UE u tagħlaq għajnejha fuq l-attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus tal-banek il-kbar Ewropej. Il-Kummissarju Vera Yourova qatt ma ssemmi banek kbar bħad-Deutsche Bank, l-ikbar bank Ġermaniż, li s-sena l-oħra ġie mmultat €620 miljun għax ippermetta l-ħasil ta’ flus, iżda mbagħad titfa’ taħt il-lenti lil banek żgħar tal-istati membri ż-żgħar bħal Malta.“Ma tinstemax kurjuża li Yourova titkellem dwar bank żgħir f’pajjiż żgħir u ma titkellimx dwar Deutsche Bank? Pilatus Bank kien bank żgħir ta’ investiment li nqabad b’sanzjonijiet tal-Istati Uniti. Dan kien ħuta żgħira meta kkomparat ma’ Danske Bank, l-ikbar bank fid-Danimarka. Il-ħut il-kbir, Il-‘balieni’ fl-Isvezja, Franza u l-Ġermanja ma ssemmewx mill-Kummissarju Yourova.” qal Alfred Sant meta ġie mistoqsi minn Catherine Nicholson fuq il-programm televiżiv Talking Europe, jaħsibx li Malta qed tiġi vittimizzata għax hija stat żgħir.
Alfred Sant qal li l-investiment bl-iskemi taċ-ċittadinanza f’Malta u Ċipru huma leġittimi u aktar trasparenti minn dawk li għandhom pajjiżi kbar bħall-Awstrija, Franza u l-Ġermanja.
“L-għoti ta’ ċittadinanzi f’dawn il-pajjiżi l-kbar jsir minn taħt bi ftehimiet mas-servizzi tas-sigurta`, il-Ministeru tal-Finanzi jew il-Presidenti u l-Prim Ministri ta’ dawn il-pajjiżi. Dan il-metodu żgur mhux wieħed trasparenti għall-għoti ta’ ċittadinanzi,” qal l-MEP Malti.