Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen tħoss li huwa pożittiv u jeżisti impenn mill-Gvern Malti biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt u l-indipendenza fil-ġudikatura.
Dan esprimietu b’mod ċar von der Leyen f’ittra li bagħtet lill-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela.
Fissret kif l-opinjoni pożittiva tal-Kummissjoni Venezja dwar ir-riformi tal-Gvern fil-ġudikatura u favur il-governanza t-tajba u t-tisħiħ fis-saltna tad-dritt hija xi ħaġa inkoraġġanti.
Von der Leyen qalet li tinsab sodisfatta li ġiet aġġornata bil-pjanijiet tal-Gvern Malti u li ntbagħtu lill-Kummissjoni Venezja.
Hija laqgħet il-pass ta’ Malta li tikkonsulta mal-Kummissjoni Venezja.
Von der Leyen semmiet id-djalogu fil-qrib bejn il-Gvern Malti permezz tal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Viċi-President Věra Jourová u l-Kummissjarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders.
Intant b’referenza għal din l-ittra, f’messaġġ li ħareġ il-Prim Ministru Robert Abela qal li ħa pjaċir li l-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet dak li qed isir bħala pajjiż biex jitwettqu riformi fil-qasam tas-saltna tad-dritt.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Napprezza l-fatt li l-Kummissjoni qed tinnota l-isforzi tagħna li nkomplu niksbu aktar, li nkunu hemm biex inwettqu l-bidliet li huma meħtieġa, li nkomplu noffru stabilità u serħan il-moħħ.”
Dr. Abela spjega li dawn il-bidliet qed isiru biex il-pajjiż joffri futur b’saħħtu għal Malta ħalli jgawdu lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.
Qal li l-Kummissjoni Ewropea qed tirrikonoxxi wkoll l-isforzi tal-Gvern.
Il-Prim Ministru sostna: “Dan huwa l-Gvern tad-djalogu, li jisma’ u li mhux mifni b’instabilità bħal ma qed naraw li huma forzi politiċi oħra f’pajjiżna. Dan huwa l-gvern li jagħti l-garanziji, iżda li jwettaqhom ukoll. Għalhekk ninsab kburi bit-tim kollu tiegħi, bil-Gvern unit li għandna.”
Filwaqt li rrimarka li jieħu pjaċir bl-ittri tal-mexxejja dinjija, huwa jieħu gost b’dak li jgħidulu ċ-ċittadini.
Dr. Abela tenna: “Li xejn ma jagħtini sodisfazzjon aktar minn ħaddiem li jiġi jgħidli grazzi tal-għajnuna li qed jirċievi jew sid ta’ ħanut li jgħidli li bis-saħħa tal-iskemi li varajtu stajt inżomm in-negozju miftuħ, jew dik il-familja li qed tiriċievi għajnuniet importanti biex tibqa’ miexja ‘l quddiem bħalma huma l-in work benefit.”
Aktar kmieni x-xahar li għadda, l-Kummissjoni Venezja laqgħet prattikament ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Gvern Malti fuq għadd ta’ riformi.
Bħalissa l-Parlament qed jiddiskuti wkoll emendi fil-liġi u l-Kostituzzjoni sabiex idaħħal dawn ir-riformi.
Fost oħrajn qed tiġi dibattuta l-ħatra tal-President tar-Repubblika bil-vot taż-żewġ terzi.
Din l-emenda mressqa mill-Gvern, m’għandiex l-appoġġ tal-Oppożizzjoni anki jekk f’dokument tagħha stess dwar il-governanza, li ħareġ ħames snin ilu, kien hemm imsemmi eżatt bħal-lum l-emenda kif imressqa fil-Parlament.