- David Casa f’eżerċizzju ta’ spin politiku biex jgħatti l-faqar tal-Oppożizzjoni
Ir-risposta tal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová kkonfermat il-pożizzjoni legali tal-Gvern Malti li, “Sentenzi mogħtija minn qrati oħra ta’ stat membru tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi ta’ raġunijiet ġurisdizzjonali skont Regolament 1215/2012, iridu jiġu rikonoxxuti u esegwibbli fl-istat membru rikjest”, u li kwalunkwe inizjattiva ta’ stat membru li tirregola l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali trid tkun konformi ma’ Regolament 1215/2012. Il-Gvern ifakkar li l-proposta tal-Oppożizzjoni kienet tbiddel ir-regoli ta’ Regolament 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni f’kawżi ta’ malafama u għalhekk mhix permessibbli skont kif ikkonfermat il-Kummissjoni Ewropea.
Iktar minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea qalet li, “Ir-regolament jipprovdi għal possibbiltà li jkun rifjutat ir-rikonoxximent tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza fuq il-bażi tal-fatt li din tkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku. Madanakollu, skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku hi interpretata b’mod restrittiv”.
Il-Gvern jieħu nota wkoll tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonferma li hemm nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni biex jiġu armonizzati l-liġijiet dwar il-malafama u biex tindirizza kawżi SLAPP u fl-istess ħin li, “l-istati membri huma ħielsa li jintroduċu tali leġiżlazzjoni f’livell nazzjonali”. Fil-fatt, il-Gvern Malti fil-liġi l-ġdida dwar il-Media u l-Malafama daħħal provvedimenti ġodda li jimpedixxu kawżi ta’ SLAPP mibdija f’Malta kontra ġurnalisti lokali.
Madanakollu l-Kummissjoni żżid li l-infurzar ta’ sentenzi minn stati membri oħra, iridu jiġu rikonoxxuti u infurzati f’konformità mal-liġi tal-UE relevanti.
Dawn kollha huma kwotazzjonijiet intieri mir-risposta tal-Kummissarju Jourová filwaqt li l-istqarrija ta’ David Casa hi biss spin politiku biex jgħatti l-faqar ta’ raġunament tal-Oppożizzjoni. Il-Gvern ifakkar li fejn jidħlu sentenzi li jitwieldu minn kawżi miftuħa f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea, il-liġi tagħna diġà tipprovdi li l-ġurnalisti jiġu protetti jekk dawn il-ġurnalisti jagħżlu li ma jipparteċipawx f’adawn il-kawżi.