L-MEP tal-PN, David Casa, reġa’ mar iħabbat il-bieb tal-Kummissjoni Ewropea biex ixewwex kontra Malta fuq il-viżi mill-Alġerija. Iżda, il-Kummissarju Dimitris Avramopoulos giddbu meta wieġbu li Malta għandha wieħed mill-iktar proċessi ibsin. U l-Kummissarju Ewropew mhux l-ewwel wieħed li ġab fix-xejn il-qlajjiet tal-PN. Din l-istorja hi waħda minn sensiela maħsuba minn uffiċjali tal-PN biex issir ħsara lil Malta lil hinn minn xtutna.
Dwar il-każ tal-viżi mill-Alġerija, l-Awditur Ġenerali kien ħareġ rapport ċar li fih kien deher evidenti li l-allegazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista kienu mibnija fuq qlajjiet mingħajr bażi. Iżda, il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, David Casa, ippersista fil-kampanja tiegħu u ta’ sħabu fil-Partit Nazzjonalista u reġa’ mar iħabbat il-bieb tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jipprova jħammeġ isem Malta. Iżda, it-tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea kienet ċara. Filwaqt li hu ried jagħti l-impressjoni li pajjiżna jagħti l-viżi bl-addoċċ lill-Alġerini, il-Kummissjoni Ewropea qaltlu li Malta għandha proċess restrittiv. Fi kliem ieħor mhux proċess li tgħaddih kif ġieb u laħaq. David Casa rrefera għar-rapport tal-Awditur Ġenerali u qal li r-rapport “iqajjem mistoqsijiet serji li jista’ jkollhom impatt fuq is-sigurtà ta’ pajjiżi membri oħra ta’ Schengen.”
Casa talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tindika jekk Malta aġixxietx f’konformità sħiħa mal-obbligi tagħha bħala pajjiż membru ta’ Schengen biex tiżgura r-responsabbiltà, it-trasparenza u s-serjetà meta jiġu applikati r-regoli ta’ Schengen. Il-Kummissjoni Ewropea ma qalet imkien li Malta kisret xi regoli. Anzi, il-kuntrarju. “Ir-responsabbiltà għall-ipproċessar u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet tal-viża skont il-Kodiċi dwar il-Viżi hija f’idejn il-konsulati tal-Istati Membri. Huma l-konsulati li jiddeċiedu jekk jagħtux jew le l-viża wara li jkunu ċċekkjaw li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha taddħul applikabbli, inkluża valutazzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u tar-riskji għas-sigurtà,” beda biex qallu l-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Migrazzjoni, Attivitajiet Interni u Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos. Il-Kummissarju Ewropew fakkar lil Casa li skont l-istatistiċi dwar ilviżi għal soġġorn qasir li l-Kummissjoni tippubblika kull sena, Malta pproċessat madwar 3,000 applikazzjoni tal-viża fl-Alġerija fl-2016 u r-rata ta’ rifjut kienet ta’ 82%. Fl-2017, Malta pproċessat madwar 5,000 applikazzjoni fl-Alġerija u r-rata ta’ rifjut telgħet għal 92%. “Meta tqis li r-rata medja tar-rifjut għall-Istati Membri li jipproċessaw applikazzjonijiet tal-viża fl-Alġerija kienet 30% fl-istess perjodu, jidher li l-awtoritajiet Maltin għandhom approċċ restrittiv meta jipproċessaw applikazzjonijiet tal-viża fl-Alġerija.” qalet il-Kummissjoni Ewropea lill-MEP tal-Partit Nazzjonalista. B’hekk David Casa żamm l-istess stil li kellu tul l-aħħar ħames snin. Dak li ma jitlifx okkażjoni biex jipprova jimmina lill-pajjiżna, anke jekk dan ifisser li jistgħu jbatu wkoll iċ-ċittadini Maltin.
Dan f’kompetizzjoni bejn l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista dwar min donnu se jidher l-iktar iebes ma’ Malta barra minn xtutna. Fil-fatt kienu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech u Roberta Metsola li b’ittra fl-2015 talbu investigazzjoni u din l-investigazzjoni saret. Fil-konklużjonijiet tagħha l-Awditur Ġenerali qal b’mod ċar: “no serious shortcomings were noted in the processing of visa applications.” Fi kliem ieħor l-Awditur Ġenerali qal li ma kien hemm ebda nuqqasijiet serji. U l-Awditur Ġenerali mhux l-ewwel wieħed li qal dan id-diskors. Tant li l-Awditur Ġenerali nnifsu għamel referenza għall-investigazzjoni li kienet saret mill-Kummissjoni Ewropea u l-esperti tal-istati membri. Liema investigazzjoni saret f’Settembru 2016 u hemm ukoll ma nstabux nuqqasijiet serji. Dawn kienu lkoll konklużjonijiet li ħarġu qabel David Casa reġa’ mar għand il-Kummissjoni Ewropea. Saħansitra l-Awditur Ġenerali rrefera lill-Kummissjoni Ewropea u l-esperti tagħha qalu li fuq l-elementi ewlenin il-mod kif kienet qed taħdem Malta kien konformi u ma kienu identifikati ebda nuqqasijiet f’dawk li huma prinċipji jew regoli ewlenin. Biex nużaw il-kliem tar-rapport eżatt jingħad hekk: “According to the report, on most essential aspects Malta’s application of the common visa policy complied with the provisions of the Visa Code and related legislation. The review did not identify any violation of key principles or rules.”
Iktar minn hekk l-esperti tal-Unjoni Ewropea jgħidu li ċerti aspetti kienu meqjusa bħala eżempju tajjeb. “On the other hand, other aspects were considered good practice, while the scrutiny applied to first time applicants was deemed to be generally appropriate,” kompla jingħad fir-rapport. Bil-kwistjoni tal-viżi fl-Alġerija anke Simon Busuttil prova jweġġa’ biha lill-pajjiż barra minn Malta. U warajh kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia. Minbarra l-MEPs, tkellmu u nsistew fuqha wkoll id-deputati hawn Malta, partikolarment l-Eks Viċi Kap Beppe Fenech Adami. Iżda, bħal fi drabi oħra l-Partit Nazzjonalista spiċċa ma ngħatax raġun u reġa’ ħareġ kif il-każ kien mibni fuq allegazzjonijiet mhux sostnuti. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jagħmel ukoll referenza għall-allegazzjonijiet li saru. Fost oħrajn kien hemm persuni mill-Alġerija li qalu li ma kinux stmati tajjeb. Iżda, hawn kien hemm dikjarazzjonijiet ċari tal-Awditur Ġenerali li tkellem fuq kif ittieħdu passi mill-ewwel u l-pulizija stħarrġu u ma sabu xejn. Biex il-konklużjoni tal-Awditur qieset l-azzjoni tal-Gvern fir-rigward tal-allegazzjonijiet bħala waħda xierqa. Fil-fatt qal: “Dan l-Uffiċċju qies l-azzjoni meħuda mill-Gvern bħala xierqa, hekk kif il-Konslu u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin infurmaw lill-Pulizija bl-allegati irregolaritajiet. Il-Pulizija ħadet azzjoni billi kisbet informazzjoni minn persuni ta’ interess, b’mod partikolari l-Konslu u l-Aġent tal-Ivvjaġġar Alġerin, li minnu oriġinaw il-biċċa l-kbira tal-allegazzjonijiet.”