Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders irrikonoxxa lil pajjiżna bħala l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea li daħħal fis-seħħ id-direttiva anti-SLAPP.
Hu għamel dan waqt il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li sar fi Brussell u preżenti għalih kien hemm il-Ministru Malti għall-Ġustizzja, Jonathan Attard.
F’din il-laqgħa, il-Ministru Attard ta preżentazzjoni dwar ir-riformi li saru fis-saltna tad-dritt f’pajjiżna, waqt li qal li l-Gvern qed jikkopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni Ewropea.
Hawn semma ħemel ta’ riformi, li twettqu fl-aħħar snin mill-Gvern Malti, fil-qasam tas-saltna tad-dritt, fosthom il-bidliet kostituzzjonali fil-ħatriet tal-President u l-ġudikatura, is-separazzjoni bejn il-funzjonijiet tal-Prosekutur Ewlieni u tal-Avukat Ġenerali u investiment fil-Korp tal-Pulizija, partikolarment fejn jidħlu reati finanzjarji.
“Tajt rendikont dwar ir-riformi istituzzjonali li seħħew f’pajjiżna u li issa qed narawhom iħallu r-riżultati tagħhom. Kien ukoll ta’ sodisfazzjon ninnota li l-Kummissarju Ewropew irrikonoxxa li Malta kienet l-ewwel pajjiż li daħlet fis-seħħ id-direttiva anti-SLAPP u dan ċertament jawgura tajjeb biex inkomplu nimplimentaw riformi li jkomplu jsaħħu dan is-settur u, fuq kollox, iwasslu għal ġustizzja effettiva fi żmien aktar effiċjenti.”