Il-Kummissjoni Ewropea tat permess biex mal-ħames punt tlieta miljun ewro jintużaw mill-Gvern Malti biex pajjiżna jagħti l-kontribut tiegħu għar-riċerka u l-iżvilupp rigward il-Coronavirus.
Il-flus se jitqassmu lil kumpaniji u individwi li huma lesti li se jsibu soluzzjonijiet permezz tar-riċerka.
Huwa ttamat li din ir-riċerka twassal għall-iżvilupp ta’ vaċċin kontra l-Coronavirus.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal li bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-MCST u l-Malta Enterprise ngħataw l-opportunità li jwaqqfu dan il-fond għar-riċerka.
Huwa spjega: “Huwa fund notevoli ħafna mhux biss akkost għad-daqs ta’ pajjiżna imma anke inġenerali. Huwa wieħed mill-funds li ħa jkun notevoli fl-Unjoni Ewropea. Il-fond ħa jindirizza s-sitwazzjoni.”
Barra min hekk il-fond jista’ jgħin biex wieħed janalizza l-imxija preżenti tal-Coronavirus ħalli tinġabar biżżejjed informazzjoni u tiġi pproċessata biżejjed l-informazzjoni.
Dan sabiex pajjiżna jkun preparat għal aktar tifqigħiet ta’ viruses oħra fil-futur.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni Clayton Bartolo laqa’ din l-aħbar u sostna li dan l-investiment ser ikompli jpoġġi lil Malta fuq il-mappa tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Huwa sostna: “Dan l-investiment ipoġġina fuq nett fil-qalba tal-Ewropa sabiex b’hekk naraw li permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż.”