Il-Kummissjoni Ewropea approvat skema ta’ għajnuna lil Gvern Malti, permezz tal-bank Malti għall-iżvilupp.
L-għajnuna kienet approvata permezz ta’ sospensjoni temporanja fir-regolamenti tal-għajnuna mill-istat fil-kuntest tal-pandemija Coronavirus.
Fi żminijiet normali, l-istati membri Ewropej huma pprojbiti li jagħtu għajnuna diretta lil xi negozju għad-detriment ta’ negozji oħra.
Din l-għajnuna qed tindirizza l-likwidità tan-negozji milquta mill-Coronavirus.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna stqarr li din l-għajnuna tikkonsisti minn garanziji li għamel il-bank tal-iżvilupp sabiex in-negozji jkunu jistgħu jibqgħu jissellfu mill-banek.
Il-Ministru Scicluna spjega: “Il-Gvern jagħmel għad-disposizzjoni tal-banek garanziji tal-Gvern li jitilgħu għal 350 miljun li bihom il-banek kummerċjali kollha ta’ Malta jistgħu jitilgħu fis-self tagħhom b’dawn is-self garantit tal-Gvern sa massimu ta’ 780 miljun.”
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-proposta Maltija hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti.
Innotat li l-garanziji se jkopru mal-ħtiġijiet tal-kumpaniji għal futur qrib, li dawn se jingħataw biss sal-aħħar ta’ din is-sena, li l-garanziji huma limitati għal massimu ta’ sitt snin, u li l-garanziji ma jaqbżux il-livelli previsti.
Il-Kummissarju Ewropew għall-kompetizzjoni Margrethe Vestager qalet li l-iskema Maltija ta’ €350 miljun se tkun ta’ għajnuna biex in-negozji jkollhom kapital u biex ikomplu b’ħidmiethom f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Intant il-Ministru Scicluna wiegħed li din l-għajnuna se tkompli tiġi sostnuta fil-ġimgħat li ġejjin.
Huwa saħaq: “Dan huwa l-ewwel pakkett f’dan is-sens, se jkun hemm oħrajn fil-futur ukoll.”